Inawgurat il-Presepju maestuż fi Pjazza Tritoni u miftuħa uffiċjalment il-festi u l-attivitajiet tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, fil-Belt Valletta. L-istess Presepju li sentejn ilu ntrama fil-Pjazza ewlenija tal-Vatikan u s-sena l-oħra fl-Art Imqaddsa f’Betlehem.
Fl-inawgurazzjoni t-Tlieta filgħaxija c-Chairman ta’ Valletta 2018 Jason Micallef ta iżjed dettalji dwar l-attivatijiet għax-xahar ta’ Diċembru fil-Belt Valletta. Fost oħrajn huwa ħabbar kif għall-ewwel darba ser tinxtegħel bid-dwal tal-Milied Triq il-Merkanti li hi t-tieni l-akbar triq kummerċjali fil-Belt Valletta.
“Bil-mod il-mod kull ġimgħa ser ikollna ħafna attivitajiet differenti li jwasslu għal żewġ avvenimenti kbar fil-Belt Valletta, fil-15 ta’ Diċembru ċ-ċerimonja tal-egħluq ta’ Valletta 2018 fi Pjazza San Ġorġ imbagħad nagħlqu bi kbir is-sena 2018 u nilqgħu s-sena 2019 biċ-ċelebrazzjonijiet fil-Belt Valletta”
Is-Sur Micallef ħabbar ukoll kif wara ħafna zmien se terġa titella l-purċissjoni tat-tfal bil-bambin fil-Belt Valletta, li se tara l-involviment tal-għaqdiet kollha Beltin.
“Kien ilha ħafna ma tidher fil-Belt Valletta, u din is-sena bis-saħħa ta’ dan il-Presepju fi Pjazza Tritoni u bis-saħħa tal-għaqdiet ideċidejna li norganizzaw din il-mixja bit-tfal u l-Bambin u li tispiċċa hawnhekk f’dan il-Presepju”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Valletta 2018 Deo Debattista qal li dan il-Presepju hu parti integrali mill-festi u l-attivitjiet kollha tal-Milied aktar u aktar għax jirrappreżenta t-twelid ta’ Sidna Ġesu Kristu.
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal li wieħed mill-isbaħ mumenti tiegħu fl-aħħar 5 snin kien il-mument x’ħin ra lill-Papa Franġisku jitlob quddiem il-presepju Malti fil-Pjazza tal-Vatikan.