F’Tas-Sliema, proprju triq ’il bogħod minn fejn twieled u trabba l-kantawtur Enzo Gusman, ġie inawgurat bust b’tifkira tiegħu.
Bħala parti miċ-ċeremonja tal-inawgurazzjoni, li saret f’dar tal-anzjani, indaqqew bosta diski mir-repertorju tiegħu u oħrajn li kienu għal qalbu.
Enzo ħalla din id-dinja fl-età ta’ erbgħa u sebgħin sena, f’daru fil-Kanada, f’Diċembru tal-2021
Is-Sindku ta’ Tas-Sliema, John Pillow, spejga s-sinifikat wara dan il-bust.
“Għas-Slimiżi dan iI-bust ifisser ħafna. Enzo twieled f’din it-triq – hawn Triq Rudolfu, u huwa twieled Triq Santa Marija. Twieled hawn, trabba hawn, minn din il-parroċċa. Għalina s-Slimiżi, Enzo kien ikona għas-Slimiżi.”
Huwa aċċenna wkoll għall-imħabba li Enzo kellu lejn l-ilsien Malti.
Min-naħa tiegħu, l-iskultur Indrì Attard qal li kien ta’ privileġġ għalih li jagħmel dan il-bust. Huwa ftakar ukoll fit-telefonati li kien jagħmillu Enzo, saħansitra meta saħħtu kienet bdiet sejra lura.
Tkellimna wkoll ma’ David Muscat, kunsillier f’Tas-Sliema. Huwa wkoll tkellem dwar l-imħabba li s-Slimiżi kellhom u għad għandhom għal Enzo.
“Għalina s-Slimiżi jfisser ħafna, ovvjament, għax qed nagħtu unur u ġieħ lil dan il-kantawtur Slimiż, li għex f’Tas-Sliema, trabba hawnhekk, u dan il-bust ifisser li se jkun ikona f’Tas-Sliema għal dawk kollha li jiġu jżuruha, għall-Maltin u għall-Għawdxin, għax wara kollox Enzo Gusman kien maħbub minn kulħadd.”
Min-naħa tagħha Mary Rose Mallia, li kienet ħabiba ta’ Enzo, iddiskrivietu bħala qalb tad-deheb.
Preżenti ghal din l-inawgurazzjoni kien hemm l-Arċisqof Charles Scicluna u bosta ħbieb u qraba ta’ Enzo.
L-armla ta’ Enzo, Carmen Gusman, irringrazzjat lil dawk kollha li għamlu dan possibbli.