Teatru Malta flimkien mal-Ministeru għall-Kultura għaddejjin b’ħidma sabiex it-teatru jersaq aktar qrib taċ-ċittadin fl-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin. Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici spjega kif il-Gvern bħalissa qed iwettaq wegħda elettorali oħra li qed tkompli qed issaħħaħ il-qasam kulturali Malti.
Waqt it-tnedija tal-programm annwali tagħhom minn ġewwa ċinema antika fil-Belt, id-direttur artistiku ta’ Teatru Malta, Sean Buhiagar spjega kif il-programm li ħejja għal din is-sena huwa vast u jinkludi rappreżentazzjonijiet għat-tfal u adoloxxenti kif ukoll reċta mtella’ mill-anzjani ta’ San Vinċenz De Paule.
Is-Sur Buhiagar qal ukoll kif din is-sena se tittella’ rappreżetazzjoni unika fit-triq b’rabta mal-festi ta’ Halloween. Fost l-oħrajn, fl-istaġun ta’ din is-sena nsibu kompożizzjoni ta’ The New Victorians għat-tfakkira taċ-ċentenarju tas-Sette Giugno fil-Forti Sant’Iermu, ix-xogħol ta’ Anthony Burgess ‘A Clockwork Orange’ tradott u interpretat mill-ġdid għal udjenza żagħżugħa kontemporanja, u adattament għall-palk tar-rumanz popolari Pope Joan li se tittella’ fil-Foss tal-Imdina.