Tnediet uffiċċjalment ir-riforma tal-Kunsilli Lokali li se twassal għal titjib f’ħidmiethom bil-għan li jersqu aktar u jaqdu aħjar il-bżonnijiet taċ-ċittadin.
Mill-bini tal-mużew Muża fil-Belt fil-preżenza ta’ numru ta’ sindki, is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal li din ir-riforma se twassal għal involviment akbar fil-komunitajiet madwar il-gżejjer Maltin.
F’għeluq il-25 sena mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali, l-Gvern nieda uffiċċjalment ir-riforma tal-Gvern Lokali li se tagħti nifs ġdid lill-Kunsilli.
Permezz ta’ din ir-riforma li kienet frott sena u nofs ta’ ħidma u konsultazzjonijiet mal-partijiet kkonċernati, l-Kunsilli, li issa bdew jissejħu Gvernijiet Lokali se jkollhom aktar awtonomija f’ħidmiethom.
Grazzi għal din ir-riforma, żgħażagħ minn sittax-il sena ‘l fuq issa se jkunu jistgħu jikkontestaw l-elezzjoni tal-lokalitajiet tagħhom. Din se twassal għal parteċipazzjoni akbar fil-ħidma tal-Gvernijiet Lokali.
Ir-riforma se ssaħħaħ ukoll ir-reġjuni b’żieda fir-riżorsi. Dawn se jkunu responsabbli ta’ aktar affarijiet permezz ta’ żieda fir-riżorsi allokati għalihom.
Il-Gvernijiet Lokali se jservu aktar bħala wens u sosten għaċ-ċittadini tagħhom u l-funzjonijiet tal-kumitati amministrattivi se jgħaddu għand il-Gvernijiet Lokali.
Kull irħajjel se jkun rappreżentat fil-Gvern Lokali minn kunsillier elett li se jkun inkarigat minn dekasteru li jiffoka biss fuq l-irħajjel li jagħmlu parti mil-lokalita.
Il-president tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava laqa’ din ir-riforma u sostna li l-Gvernijiet Lokali se jkunu ffukati aktar fuq il-bżonnijiet taċ-ċittadin.