Għall-ħabta tal-10:40 ta’ dalgħodu waslet f’Malta l-ewwel kunsenja ta’ għaxart elef doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19 wara li l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini approvat dak ta’ Pfizer u BioNTech. Il-Kummissjoni Ewropea wkoll approvat ir-rakkomandazzjoni biex dan jitqassam lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.
Għada, il-Ħadd, se jibdew jitlaqqmu l-ħaddiema tas-saħħa, fosthom dawk li jaħdmu fit-Taqsima tal-Mard Infettiv, fit-Taqsima tal-Kura Intensiva u fid-Dipartiment tal-Emerġenza, apparti l-ħaddiema tas-swali fejn hemm pazjenti pożittivi għall-COVID-19.