Christina Magrin nediet single ġdida bl-isem ta’ ‘Dance Away Our Fears’ It-titlu adattat ħafna għaż-żminijiet ta’ tensjoni li għaddejjin minnhom bħalissa.
Id-diska hija riżultat ta’ kollaborazzjoni ta’ professjonisti internazzjonali: Aidan OC, Sara Biglert, Christian Schneider u Cyprian Cassar.
Christina hija kantanta stabbilita fix-xena lokali. Hija kienet irrappreżentat lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest fl-2016 u ġabet bosta unuri anki barra minn xtutna. Din hija l-ħames single tal-kantanta żagħżuha, li hija wkoll kompożitriċi hi stess.
Il-video ta’ Dance Away Our Fears ġie ffilmjat ġewwa Bled fi Slovenja bil-kollaborazzjoni ta’ Bled TV u l-Kunsill Turistiku u ġie editjat lokalment minn Matthias Brancaleone u Xandru Azzopardi.
L-imxija tal-Coronavirus ħarbtet l-appuntamenti ta’ Christina Magrin kemm bħala kantanta f’tiġijiet u avvenimenti lokali u anke l-appuntamenti internazzjonali, minħabba r-restrizzjonijiet ta’ safar. L-ikbar diżappunt għaliha jkun jekk jitħassar il-kuncert ta’ Celine Dion, li Christina tqis bħala waħda mill-akbar idoli tagħha.
Il-parir tagħha għal dawk kollha li jappoġġjawha u għall-pubbliku ġenerali huwa: “Ejjew ningħaqdu lkoll flimkien u niżfnu bħala familja waħda! Se nerġgħu niġu fuq saqajna bla dewmien, iżjed b’saħħitna minn qatt qabel.”
Christina hija magħrufa partikularment għall-vuċi versatili tagħha u għall-kapacità li tkanta bi 15-il lingwa differenti.