Il-qasma fil-Partit Nazzjonalista reġgħet ħarġet fid-deher anke fost il-kandidati prospettivi għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Dan hekk kif waqt attivitá tal-Indipendenza fuq il-fosos, fl-interventi tagħhom il-kandidati dehru maqsuma bejn dawk li qed jappoġġjaw lill-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u dawk li għadhom staġnati mat-tmexxija tal-eks kap Simon Busuttil.
Frank Psaila, il-kanditat ta’ Delia b’mod isteriku ħeġġeġ lill-persuni preżenti biex jappoġġjaw lill-kap Adrian Delia u saħaq li l-Partit Nazzjonalista irid jibdel il-mod tat-tmexxija. Fil-fatt din kienet l-uniku darba li l-partitarji preżenti qamu bil-wieqfa jċapċu filwaqt li David Casa li kien bilqiegħda quddiemu tħalla jagħmel l-almu tiegħu biex ma jurix id-diżapprovazzjoni tiegħu.
Jeħtieġ li niġbdu ħabel wieħed mal-kap tagħna Adrian Delia għax hekk biss nistgħu nimxu l-quddiem.
Din ir-reazzjoni isterika kkuntrastat mal-ħemda li waqgħet hekk kif l-ewroparlamentari David Casa kkonferma għal darb’oħra li għadu jaġixxi taħt it-tmexxija tal-eks kap Simon Busuttil. Dan hekk kif fid-diskors tiegħu huwa żelaq fin-niexef u għal mument tfixkel f’isem il-kap tal-Partit li jirrapreżenta.
U llum kellu jkun il-kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Adrian Busuttil illi se jġibu l-Qorti biex ikollu..illi. sorry..Adrian Delia illi se jġibu l-Qorti..
Il-bqija tas-serata kienet iddominata minn tmaqdir għall-qgħada ta’ pajjiżna bin-nies preżenti jidhru pjuttost bierda u jirreaġixxu mill-inqas għal dak li jintqal għajr għal xi ċapċipa l-hawn u l-hinn.