Mill-Ġimgħa filgħodu, jekk tinqabad f’post pubbliku barra mingħajr maskra tista’ tingħata multa ta’ €50 ewro li tista’ titla’ sa massimu ta’ €100.
Filwaqt li l-użu tal-maskri f’postijiet pubbliċi ġewwa u ġo trasport pubbliku ilu mandatorju, minn tmiem il-ġimgħa li għadda, l-użu tal-maskri sar obbligatorju anke barra. Filwaqt li ngħatat ġimgħa ta’ tranżizzjoni sakemm il-pubbliku jidra din il-miżura ġdida, mil-lum il-pulizija u uffiċjali tal-LESA u ta’ Transport Malta jistgħu jimmultaw lil kull min jinqabad barra bla maskra.
Minn kmieni filgħodu l-pulizija bdiet bir-rondi.
L-Ispettur Sarah Zerafa spjegat kif ir-rondi minn dejjem kienu jsiru: “Il-Pulizija, aħna dejjem nagħmlu r-rondi tagħna, speċjalment fil-pjazzez u fil-postijiet l-iżjed li jkun hemm nies hija xi ħaġa normali li jkun hemm il-pulizija f’dawn il-postijiet. Biss kif għidt inti ħa nibdew ninfurzaw iżjed fuq l-użu tal-maskra u r-rondi tagħna ser ikunu speċifikament iżjed jenfasizzaw fuq hekk.”
L-uffiċjali bdew iduru l-akwati li fihom l-iktar li jinġabru nies flimkien u hemmhekk bdew jaraw li kulħadd qiegħed jimxi mal-liġi l-ġdida u jilbes il-maskra.
Wettqu spezzjonijiet ukoll fuq l-istejġ tal-karozza tal-linja filwaqt li telgħu wkoll jaraw li kulħadd liebes il-maskra fuq it-trasport pubbliku.
Saħansitra l-uffiċjali tal-pulizija dehru jwaqqfu raġel li kien qed isuq il-mutur tiegħu sabiex jiġbdulu l-attenzjoni biex ma jaljenax ruħu u jinsa jilbes il-maskra hekk kif jasal fid-destinazzjoni tiegħu.
Il-miżura tad-distanza soċjali hija l-iktar waħda li jidher għadha qed tindara u hawnhekk il-pulizija dehru jagħmlu xogħol kbir f’dan ir-rigward.
L-Ispettur Zerafa qalet magħna kif il-ġimgħa ta’ tranżizzjoni sakemm jibdew jinħarġu l-multi jidher li ħalliet il-frott.
Hija kompliet tispjega: “Naħseb dik il-ġimgħa li kien hemm biex jidraw li l-maskra tkun dejjem imlibbsa indrat, filfatt in-nies, kif rajna mir-rondi tagħna, kollha kienu bil-maskra u kienet tajba biex dak li jkun jidra u issa ovjament jaf l-importanza tagħha li trid tintlibes.”
Hija temmet tappella sabiex għal ġid tagħhom u ta’ dawk ta’ madwarhom, in-nies jimxu mal-miżuri stabbiliti mill-awtoritajiet tas-saħħa: “Jiena nappella li ovvjament il-maskra trid tintlibes, trid tintlibes sew, dan fl-aħħar mill-aħħar apparti li rridu nsegwu r-regolamenti, huwa għall-ġid tagħna u tal-oħrajn. Jiġifieri naħseb kulħadd fehem l-importanza tagħha u allura huwa tajjeb li kulħadd jimxi ma’ dawn ir-regolamenti.”