Il-Pulizija għadha għaddejja bi tfittxija għall-aggressur ta’ żagħżugħ Ingliż ta’ sitta u għoxrin waqt ġlieda kbira f’San Pawl il-Baħar.
Ir-raġel għamel sigħat twal jissielet għal ħajtu fit-taqsima tal-Kura intensiva, bil-kundizzjoni tiegħu taqleb għal waħda stabbli.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-Pulizija qalu ma’ ONE News li l-ġlieda tant kienet kbira li għad trid tistabbilixxi jekk l-aggressur kienx żagħżugħ Malti hekk kif kien maħsub oriġinarjament.
Hu mifhum li bosta persuni involuti fil-ġlieda kienu f’sakra ma jarawx art bix-xhieda li l-Pulizija ġabret minn fuq il-post ftit li xejn tista’ torbot fuqha.
Filfatt l-istess sorsi żvelaw kif minkejja li l-motiv wara l-ġlieda għadu mhux magħruf, il-probabilità hi li l-ġlieda nqalgħet minħabba xorb eċċessiv.
Mill-investigazzjonijiet li saru sa issa rriżulta li l-ġlieda bdiet minn ħanut tax-xorb u kompliet barra tant, li l-vittma mexa ftit metri qabel instabet mal-art f’għadira demm.
Minkejja li l-Pulizija kienet għaddejja bi tfittxija għall-Malti ta’ tnejn u għoxrin sena – mhux qed jiġi eskluż li l-aggressur ewlieni seta’ kien xi persuna oħra.
L-istess sorsi spjegaw kif sigħat wara l-ġlieda, il-Pulizija ġabret għadd ta’ filmati tal-kameras tas-sigurtà li s’issa ma jidhirx li jistgħu jgħinu fl-investigazzjoni minħabba l-kwalità fqira tagħhom.
Nifhmu li l-Pulizija għada qed tipprova tiġbor aktar filmati minn kameras oħra fil-madwar li jistgħu jitfgħu dawl ġdid fuq din l-aggressjoni.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew mill-Għassa tal-Qawra filwaqt li dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali mmexxija minn Marrseanne Farrugia.