Hemm kważi tminn mitt applikazzjoni li qed jiġu ipproċessati fil-programm ta’ residenza b’investiment.
B’dan il-programm, il-pajjiż diġa daħħal ħamsa u tletin miljun ewro fl-ekonomija ta’ pajjiżna.
Dan sostnieh waqt konferenza f’Ġinevra, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Maltija għar-Residenza u l-Viża Roderick Cutajar.
Kif il-programm huwa msemmi, Malta Residence and Visa Programme, dan joffri residenza b’investiment, jiġifieri l-klijent irid jinvesti f’Malta permezz ta’ residenza u imbagħad jingħatalu aċċess mingħajr xkiel għas- itta u għoxrin pajjiż li jagħmlu parti mix-Schengen.
Biex jikkwalifika, l-applikant irid ikun xtara proprjetà b’valur t’aktar minn mitejn u sebgħin elf ewro fin-Nofsinhar tal-pajjiż jew tlett mija u għoxrin elf ewro jekk jixtri proprjetà fit-Tramuntana.
Jekk l-applikant jagħżel li jikri propjetà, tal-inqas irid jonfoq minn tal-inqas għaxart elef ewro fis-sena.
F’Ġinevra, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Maltija għar-Residenza u l-Viża saħaq li hemm bosta nies, partikularment miċ-Ċina, ir-Russja, l-Afrika t’Isfel u t-Turkija li qed jaraw klima ekonomika eċċellenti f’Malta u japplikaw għal dan il-programm.
Spjega li preżentament l-uffiċċju tiegħu qed jirċievi mal-ħmistax, għoxrin applikazzjoni fil-ġimgħa.
Huwa saħaq li bħall-programm taċ-ċittadinanza b’investiment, il-programm ta’ residenza ukoll huwa rinomat għall-proċessi rigorużi li jgħaddu minnhom l-appikanti.