Il-Gvern qed jitkellem mal-avukati tiegħu biex, jekk kien hemm xi flus li marru għall-allegat ħmieġ imsemmi mit-Times fuq kampanja ta’ stejjer foloz fuq Chris Fearne, dawk il-flus jiġu rkuprati.
Saħaq dan il-Prim Ministru Robert Abela f’kummenti mal-ġurnalisti, sigħat biss wara li rapporti fil-midja qalu li l-eks Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, kien vittma ta’ stejjer foloz ivvintati minn Steward Healthcare f’kampanja, li swiet il-miljuni u li fil-mira tagħha kien hemm dawk meqjusin bħala għedewwa tal-istess kumpanija.
F’pożizzjoni li baqgħet konsistenti fuq Fearne, il-Prim Ministru reġa’ tkellem b’mod fattwali fuq Steward, dwar ix-xogħol li twettaq u dak li ma ġiex onorat.
Fl-istess ħin, meta mistoqsi mill-kamra tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista, Dr Abela fakkar fl-ipokrezija tal-Oppożizzjoni, li, filwaqt li issa qed tgħid li Fearne hu fuq in-naħa tas-sewwa, Bernard Grech u Adrian Delia fittxewh personalment fil-Qorti.
Qal, “Mill-esperjenza ta’ xogħol li kelli miegħu, naf x’tip ta’ raġel hu, sibtu miegħi fl-iktar mumenti diffiċli tal-pajjiż waqt pandemija, naf kif ħadem fuq il-kwistjoni ta’ Steward kemm ili Prim Ministru, naf li dejjem kien fuq in-naħa tas-sewwa, naf fejn kienu d-deċiżjonijiet tiegħu dejjem, u naturalment illum huwa, jew hemm xamma kbira ta’ ipokritiżmu li nara stqarrija tal-Partit Nazzjonalista issa, li għandha mil-linja tad-domanda tiegħek, li f’daqqa waħda qed tgħid li Mr Fearne huwa fuq in-naħa tas-sewwa. Jien din ili ngħidha għal żmien twil. Fl-istess waqt, imma, il-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija tiegħu taf x’ma jgħidx?! Li kontra Mr Fearne s’issa għad hemm kawża pendenti miftuħa minn Dr Bernard Grech u minn Dr Adrian Delia fejn lil Mr Fearne qed ifittxuh personalment.”
Il-Prim Ministru tkellem dwar id-deċiżjoni tal-Arbitraġġ Internazzjonali, li se tingħata fix-xhur li ġejjin, biex kull servizz li kellu jingħata u ma ngħatax, jiġu rkuprati l-flus relatati.
Qal, “Morna f’arbitraġġ internazzjonali fejn qed niddefendu d-drittijiet tal-poplu Malti u Għawdxi, jiġifieri kwalunkwe ammont li seta’ ġie mħallas lil Steward li ma tawx lura servizz tiegħu, li allura jekk hu minnu jinkludi dak l-ammont li qed nitkellmu fuqu dwaru llum, kwalunkwe ammont li ġie mħallas illum li ma marx strettament għall-għoti tas-servizz, dak hemm proċeduri legali tal-arbitraġġ u llum stess se nkun qed nitħaddet mal-avukati li qed jirrappreżentawna, kemm dawk lokali kif ukoll internazzjonali, u l-Avukat tal-Istat ukoll, biex jinvestigaw sew din l-allegazzjoni li feġġet issa u jekk din hi minnha, l-ammont li seta’ mar għal dan it-tip ta’ ħmieġ, dak se nkunu qed nitolbuh lura mingħand Steward ukoll.”