Il-Ħadd filgħodu, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela poġġa fl-uffiċċini tal-Malta Daily fejn wieġeb għal numru ta’ domandi diretti mill-pubbliku fuq il-midja soċjali.
F’dan il-format frisk u innovattiv ta’ intervista, il-Prim Ministru wieġeb numru ta’ mistoqsijiet fuq temi differenti u li fihom sostna d-deċiżjonijiet kbar li ħa Gvern immexxi minnu biex jindirizza dawn l-istess temi.
Ewlenija fost il-mistoqsijiet li sarulu, kienet dik dwar akkomodazzjoni affordabbli, lil hinn minn dik soċjali.
Hawn Dr Abela semma fost oħrajn skema partikolari li l-Gvern, permezz tal-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli daħħal, biex tgħin aktar persuni fil-klassi medja, jaffordjaw jixtru post t’akkomodazzjoni.
Qal, “LoanUp hija skema li saret bejn il-Fondazzjoni li għadni kif semmejt flimkien mal-Bank APS li permezz tagħha se jkun qed jingħata loan għal min jikklassifika għall-Housing Affordabbli, il-persentaġġ tal-imgħax se jkun qed jiġi merfugħ, jiġifieri parti minnu, ir-rata discounted għal dak li huma mal-bank, il-fondazzjoni se tkun qed tagħmel tajjeb għal dak id-discount mal-bank, jiġifieri min se jkun qed jissellef, iż-żgħażagħ tagħna se jkunu qed jibbenefikaw minn loan b’discount li huwa baxx u li umbagħad dik il-loan għadnha t-tieni vantaġġ li tikkwalifika għal loan li hija ħafna ikbar.”
Mistoqsija oħra trattat il-qasam tat-trasport f’pajjiżna u l-bżonn tal-iżvilupp ta’ sistemi ta’ trasport effiċjenti u sostenibbli, fejn il-Prim Ministru sostna kif apparti l-investiment infrastrutturali li saru bħalissa għaddejjin diskussjonijiet dwar l-aqwa użu tat-toroq tagħna.
Stqarr, “Servizzi, insemmi deliveries, insemmi ġbir tal-iskart, li jistgħu jsir f’ħinijiet li ma jkunu jaħbtu fil-ħinijiet tal-iskola, fil-ħinijiet tax-xogħol tan-nies, għandhom jibqgħu jsiru u jiġu pprovduti f’dawk is-sigħat ta’ filgħodu jew ta’ wara nofsinhar jew għandna nutilizzaw iżjed is-sigħat ta’ filgħaxija biex jiġu pprovduti fihom servizzi li huma essenzjali għall-pajjiż?”
Dr Abela aċċenna wkoll għall-importanza tal-użu tat-trasport pubbliku bil-baħar, fejn innota li fl-aħħar xhur mindu dan is-servizz beda jingħata b’xejn, kien hemm żieda ta’ mitejn elf persuna li użawh.
Persuna oħra staqsiet lill-Prim Ministru dwar l-iżvilupp f’art ODZ fejn hawn Dr Abela tenna li deċiżjonijiet favur żvilupp m’għandux jinxteħet f’kompetenza tal-politiċi, biex b’hekk fejn hu ODZ jibqa’ ODZ.
Tenna, “Ftit ilu kellna applikazzjoni għal Supermarket f’San Ġwann f’area ODZ. Ma flaħtx ma nikkumentax mill-ewwel għax meta jkollok dak it-tip ta’ applikazzjonijiet li huma non-starter, li ma jagħmlu ebda sens mill-aspett ta’ ppjanar, ma jikkonformax ma’ liġijiet ta’ ppjanar, lil min qed jaħseb biex idaħħal dawk it-tipi ta’ applikazzjonijiet, ngħidlu ddaħħalhomx mill-ewwel.”
Ma naqsitx ukoll mistoqsija mill-pubbliku dwar il-popolazzjoni f’pajjiżna. Dr Abela hawn irrimarka kif din ir-realtà hija riżultat ta’ tkabbir ekonomiku b’niċeċ ekonomiċi u opportunitajiet ta’ xogħol ġodda.
Filwaqt li rrikonoxxa din ir-realtà ġdida, il-Prim Ministru aċċenna għal ħidma li diġà saret fosthom regoli ġodda għat-Temping Agencies, li jġibu l-ħaddiema minn barra l-pajjiż, fejn illum huma strettament regolamentati.
Madankollu sostna li l-Gvern ma waqafx hawn hekk kif fi żmien fil-qrib se jkun qed jidħol qafas ta’ regolamenti ġodda taħt l-aġenzija Jobs Plus.
Qal, “Jidħlu biss dawk il-ħaddiema li s-suq tax-xogħol jeħtieġ ġewwa pajjiżna filwaqt li nibqgħu ninvestu f’niċeċ ekonomiċi li jagħmlu piż mill-inqas fuq l-infrastruttura tagħna jiġifieri f’dawk in-niċeċ ekonomiċi bħal-użu tar-robotika, l-użu tal-AI huwa wieħed li jissostitwixxi ħafna u ħafna ħaddiema li dan il-pajjiż jista’ jgħaddi mingħajrhom.”
Dwar dan il-punt Dr Abela rrijaferma li filwaqt li pajjiżna ma jistax imur f’direzzjoni li jċekken l-ekonomija jew l-opportunitajiet fi ħdanu, din hija sfida li trid tiġi indirizzata hekk kif pajjiżna ma jistax jibqa’ jikber fil-popolazzjoni bħas-snin li għaddew.