F’kummenti mal-midja, il-Prim Ministru Robert Abela kkummenta dwar il-pubblikazzjoni ta’ rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika dwar l-ingaġġ ta’ Amanda Muscat fil-Ministeru għal Għawdex aktar minn tliet snin ilu.
Intqal li f’dan il-każ il-persuna inkwistjoni ħadmet għal sitt xhur u f’dak il-perjodu wettqet ix-xogħol li kien mistenni minnha.
“Importanti ferm li l-persuna inkwistjoni ħadmet, jiġifieri hawnhekk m’aħniex qed nitkellmu kif hemm allegat fil-kwerela ta’ Repubblika dwar xi ‘phantom job’. Il-Kummissarju għall-Istandards eskludieh kompletament, anzi jikkonferma kemm il-persuna inkwistjoni ħadmet – jagħmel referenza għall-volum kbir ta’ emails li kienet tibgħat – iġifieri mhemmx kwistjoni li s-sigħat tax-xogħol tagħha tathom kollha, u l-unika kwistjoni li l-Kummissarju sab li kien hemm nuqqas dwarha kienet jekk l-individwa inkwistjoni kinitx qed twettaq funzjonijiet fuq il-post tax-xogħol li kienu jikkombaċċjaw mat-titolu tal-kariga li kellha. Iġifieri kwistjoni, dawk huma l-fatti – fatti bl-aktar mod oġġettiv – jirriżultaw mir-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards tant hu hekk li l-istess Kummissarju kellu l-fakultà li jekk ħass li kien hemm nuqqas ta’ natura kriminali, kellu l-fakultà u tgħidha l-liġi stess, din il-Kapitolu 570 li jirreferi dan il-każ lil awtoritajiet oħra fosthom lill-Kummissarju tal-Pulizija, xi ħaġa li m’għamilhiex, u allura la m’għamilhiex ifisser li ma kellu ebda sejbien f’dak is-sens.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela sostna li hu ra r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u ħa n-nota tal-apoloġija li għamel il-Ministru Clayton Bartolo.
Dr Abela kkummenta ukoll dwar il-kwerela tal-għaqda Repubblika.
“Imma mbgħad tara l-aggressività tat-ton ta’ mibgħeda li hemm f’dik il-kwerela illi għandek din il-fergħa li l-Partit Nazzjonalista qed juża b’mod strateġiku biex jipprova jkisser fuq livell personali lill-ministri ta’ dan il-Gvern, lill-Ministri, rajniha tiġri mall-membri taċ-ċivil aktar qabel f’episodji differenti. Jiena għalija dawn it-tattiċi intimitatorji mhumiex permessibli. Għalija l-politika tfisser ferm aktar minn hekk. Il-politika hija għodda biex tagħmel il-ġid. Fuq dak ir-rapport anqas qatt ma kellha tiġi kkontemplata kwerela, wisq inqas kwerela li ssemmi dak it-tip ta’ reati. Naħseb huwa tal-mistħija għal min għamilha. Tal-mistħija li l-Partit Nazzjonalista li qed juża din il-fergħa bħala astensjoni tal-politika ta’ mibgħeda tiegħu.“
Il-Prim Ministru Robert Abela