Fl-aħħar snin ġew issiġillati diversi ftehimiet kollettivi u settorjali importanti li jagħtu l-aqwa ħarsien u għodda lill-ħaddiema. Bl-istess mod, fil-ġimgħat li ġejjin, mistenni jintlaħaq qbil dwar il-ftehim kollettiv il-ġdid tal-għalliema.
Dwar dan tkellem aktar il-Prim Ministru Robert Abela meta, it-Tnejn filgħodu, wieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti fuq diversi temi.
Dwar il-ftehim settorjali tal-għalliema, il-Prim Ministru tenna l-fiduċja tiegħu fil-professjoni tal-għalliema u l-ħtieġa tagħhom fis-soċjetà.
“Għaddejjin diskussjonijiet fil-livell tekniku. Jinsabu fi stadju avvanzat u li nista’ ngħid hu li, min-naħa tal-Gvern, poġġejna proposta finanzjarja b’saħħitha fuq il-mejda u waħda ħolistika fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol b’mod ġenerali, li ttejjeb sostanzjalment fuq il-ftehim li hu fis-seħħ bħalissa.”
Fil-kuntest tat-tisħiħ tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, il-Prim Ministru semma wkoll id-diskussjonijiet, li għadhom għaddejjin dwar is-sħubija mandatorja f’unjin tal-ħaddiema.
Hawnhekk saħaq it-twemmin tiegħu li, bid-djalogu u rieda tajba, għandu dejjem jintlaħaq ftehim qabel ma tintuża l-għodda tal-azzjonijiet industrijali, b’detriment għal faxex differenti tas-soċjetà.
“Is-sħubija ta’ ħaddiema f’unjin tagħti vuċi lill-ħaddiema. Għalhekk ukoll nifhem li hemm perspettivi differenti, anke bejn unjins infushom, dwar jekk għandux ikun hemm sħubija mandatorja, imma naħseb għandna nħallu lill-istakeholders ikomplu b’din id-diskussjoni, imbagħad, bħala leġiżlaturi u bħala Gvern, inkunu miftuħin u nilqgħu kull proposta.”
Mistoqsi dwar l-abort, il-Prim Ministru kien ċar. Li d-diskussjoni dwar suġġett tant sensittiv, m’għandhiex tinħonoq mill-politiċi.
“Id-diskussjoni dwar suġġett tant sensittiv m’għandhiex tkun fid-dominju tal-politiċi, però nemmen daqstant ieħor li l-pajjiż din id-diskussjoni ma jistax jixħitha aktar taħt it-tapit, bħallikieku hemm barra mhemmx realtà li qed teżisti. Ir-realtà hemm barra u x’qed jiġri nafuha u qed ikollna tant aborti li jseħħu ta’ kull sena f’pajjiżna però kulħadd jagħżel li din il-kwistjoni jixħitha taħt it-tapit.”
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-midja bħala pilastru importanti fis-soċjetà u qal li qed iħares ’il quddiem li s-settur ġurnalistiku ta’ pajjiżna jkompli jissaħħaħ.
Dan b’mod partikolari bl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat tal-esperti li ħarġu mill-inkjesta ta’ Daphne Caruana Galizia.
“L-Anti-SLAPP Legislation proposta minna b’saħħitha aktar mid-direttiva però bdejna b’konsultazzjoni pubblika, morna quddiem il-kumitat, kien hemm min sejjaħ għal konsultazzjoni pubblika oħra, erġajna morna quddiem il-kumitat, u jien li nixtieq hu li d-direttiva li daħlet fis-seħħ fuq livell Ewropew, irridu nimplimentawha kemm jista’ jkun malajr f’pajjiżna wkoll, imma mhux dik biss. Jien irrid nara wkoll il-bidliet leġiżlattivi kollha biex insaħħu s-settur ġurnalistiku, jidħlu fis-seħħ.”