Myriam Spiteri Debono se tkun il-ħdax-il Kap tal-Istat Malti mindu sirna Repubblika nhar it-13 ta’ Diċembru tal-1974.
SIR ANTHONY MAMO
L-ewwel President tar-Repubblika kien Sir Anthony Mamo u nħatar f’din il-kariga, proprju dakinhar li Malta ħadet dan l-istat sovran immexxija minn Malti stess. Mamo serva fil-kariga sal-1976.
Imbagħad fl-1971, taħt Gvern Laburista, immexxi mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dom Mintoff, Sir Anthony Mamo nħatar bħala l-ewwel Gvernatur Ġenerali, fi żmien li l-Kap tal-Istat Malti kienet ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni tar-Renju Unit.
DR ANTON BUTTIGIEG
Il-poeta Anton Buttigieg kien it-tieni President tar-Repubblika bejn l-1976 u l-1981. Dr Buttigieg kien l-ewwel President tar-Repubblika, li ġej mill-gżira Għawdxija.
Wara kien ukoll Deputat Mexxej tal-Partit Laburista bejn l-1962 u l-1976.
Fil-leġiżlatura tal-elf disa’ mija, wieħed u sebgħin, Buttigieg kien Deputat Prim Ministru mal-Prim Ministru Dom Mintoff.
AGATHA BARBARA
L-ewwel President mara kienet Agatha Barbara, li serviet bħala Kap tal-Istat Malti bejn l-1982 u l-1987.
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, Barbara ssieħbet fil-Partit Laburista u fl-elezzjoni tal-1947 hi ġiet eletta wkoll fil-Parlament. Dakinhar kienet l-ewwel mara li qatt ġiet eletta fl-ogħla istituzzjoni nazzjonali.
Wara l-elezzjoni tal-1955, mirbuħa mill-Partit Laburista, Agatha Barbara saret Ministru għall-Edukazzjoni. Hemmhekk ukoll kienet l-ewwel Ministru mara li qatt kellu pajjiżna.
DR UGO MIFSUD BONNICI
Il-ħames President Malti kien Dr Ugo Mifsud Bonnici, fejn serva fil-kariga bejn l-1994 u l-1999.
Qabel dan, hu kien elett fil-Parlament mal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni tal-1966 u baqa’ jiġi elett bħala rappreżentant tal-poplu sal-elezzjoni tal-1992.
Wara l-elezzjonijiet tal-1987 u tal-1992, hu serva bħala Ministru għall-Edukazzjoni, sakemm irriżenja biex isir il-President.
PROF GUIDO DE MARCO
Wara fl-1999, il-Professur Guido de Marco sar is-sitt President tar-Repubblika.
Wara li l-Partit Nazzjonalista rebaħ l-elezzjoni tal-1987, De Marco kien Viċi Prim Ministru fejn fl-ewwel tliet snin kien Ministru għall-Intern u wara fl-1990, hu sar Ministru għall-Affarijiet Barranin.
Fl-1990, Guido de Marco sar ukoll President tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda.
DR EDDIE FENECH ADAMI
Fl-2004, eżatt wara li rriżenja minn Prim Ministru, Dr Eddie Fenech Adami sar is-seba’ President tar-Repubblika. Din kienet l-aktar deċiżjoni kontroversjali fil-ħatra ta’ President, mhux biss għax Fenech Adami kien prattikament innomina lilu nnifsu għall-ogħla kariga statali, iżda wkoll għax kien fost l-inqas persunaġġi li setgħu jsibu l-appoġġ tal-poplu kollu jew jgħaqqad lill-fazzjonijiet politiċi fil-pajjiż.
Hu għamel f’din il-kariga sal-2009 u sal-lum għadu l-ewwel u l-uniku President li wkoll serva bħala Prim Ministru.
Fl-1977, Fenech Adami sar Kap tal-Partit Nazzjonalista u serva ta’ Prim Ministru bejn l-1987 u l-1996, u bejn l-1998 u l-2004.
F’Marzu tal-2004, iddeċieda li jirriżenja minn Prim Ministru u anke mill-Parlament, u xahar biss wara ħa l-ġurament bħala President ta’ Malta.
DR GEORGE ABELA
It-tmin President tar-Repubblika kien Dr George Abela, li serva lill-pajjiż f’din il-kariga bejn l-2009 u l-2014.
Fl-1992, hu ġie elett bħala Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, taħt it-tmexxija tal-Mexxej ta’ dak iż-żmien, Alfred Sant.
Meta l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni tal-1996, George Abela nħatar bħala konsulent legali tal-Prim Ministru u kien jattendi wkoll għal-laqgħat tal-Kabinett tal-Ministri.
Fl-2009, għall-ewwel darba mindu pajjiżna sar Repubblika, in-nomina ta’ George Abela bħala President ġiet approvata b’mod unanimu miż-żewġ partiti fil-Parlament, bl-Oppożizzjoni Laburista taħt Joseph Muscat qablet mad-deċiżjoni tal-Gvern Nazzjonalista.
Dan minkejja li, dakinhar, il-liġi biex jinħatar President kienet għadha tirrikjedi maġġoranza sempliċi fil-Parlament u mhux vot taż-żewġ terzi fil-Parlament.
Riforma li spiċċat iddaħħlet fis-seħħ taħt l-amministrazzjoni attwali, immexxija minn iben l-istess George Abela, il-Prim Ministru Robert Abela.
MARIE-LOUISE COLEIRO PRECA
It-tieni mara nnominata għal President kienet Marie-Louise Coleiro Preca, li serviet fil-pożizzjoni bejn l-2014 u l-2019. Hi wkoll saret l-iżgħar President tar-Repubblika, fl-età ta’ 55 sena.
Coleiro Preca serviet f’bosta karigi fi ħdan il-Partit Laburista, fosthom bħala Segretarju Ġenerali għal disa’ snin, bejn l-1982 u l-1991. Kienet ukoll Assistent Segretarju Ġenerali u membru tal-Eżekuttiv Nazzjonali Laburista.
Kienet ukoll il-President tal-Grupp tan-Nisa Soċjalisti, illum Nisa Laburisti, u kienet ukoll membru tal-Uffiċċju Nazzjonali taż-Żgħażagħ Soċjalisti, illum Żgħażagħ Laburisti.
Coleiro Preca kienet membru Parlamentari mal-Partit Laburista bejn l-1998 u l-2014.
Wara r-rebħa elettorali storika tal-Partit Laburista fl-2013, Coleiro Preca saret Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, iżda rriżenjat sena wara biex saret id-disa’ President tar-Repubblika.
DR GEORGE VELLA
L-għaxar President tar-Repubblika George Vella serva bejn l-2019 u llum, l-4 ta’ April tal-2024.
Bejn l-1992 u l-2003, Dr Vella serva bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Laburista.
Meta f’Ottubru tal-1996, il-Partit Laburista, immexxi minn Alfred Sant, ingħata l-mandat mill-poplu biex imexxi l-pajjiż, George Vella nħatar Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Ambjent.
Dr Vella reġa’ nħatar Ministru għall-Affarijiet Barranin wara r-rebħa elettorali Laburista fl-2013, taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat.
Fl-aħħar tat-tmeninijiet, pajjiżna kellu wkoll Aġent President, lill-mibki Pawlu Xuereb, li serva f’din il-pożizzjoni għal sentejn.