Il-President tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Futbol, il-FIFA, Gianni Infantino qatta’ ġurnata impenjattiva f’pajjiżna fejn ġew diskussi ideat u pjanijiet dwar kif pajjiżna jista’ jingħata opportunitajiet ikbar fil-futbol.
F’konferenza tal-aħbarijiet Infantino stqarr li din kienet ġurnata importanti ħafna fl-okkażjoni tal-120 sena tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Futbol. Huwa spjega kif is-suċċess ta’ Malta ma jitkejjilx biss fuq jekk ikolliex ċans tirbaħ it-tazza tad-dinja, iżda f’kemm tinvesti fit-talenti tat-tfal Maltin u Għawdxin.
Stqarr ukoll kif ġiet diskussa l-idea li jkun hemm kampjonati differenti għall-timijiet nazzjonali li għadhom ‘il bogħod milli jikwalifikaw għat-tazza tad-dinja.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-futbol Bjorn Vassallo qal li din kienet ġurnata importanti sabiex jitmexxew il-quddiem ċertu inizjattivi u strateġiji li tmexxew ‘il quddiem fl-aħħar xhur. Qal li l-Assoċjazzjoni għandha numru ta’ miri realistiċi li bl-appoġġ tal-FIFA u l-UEFA ser ikunu jistgħu jintlaħqu.
Gianni Infantino beda l-ġurnata tiegħu fil-grawnd tas-Salinos il-Belt Valletta fejn hemmhekk iltaqa’ ma’ numru ta’ tfal li jipparteċipaw fil-programm ‘Bil-qari u l-kitba niskorja’. Inizjattiva li tippromovi l-qari u l-kitba permezz tal-imħabba lejn il-logħba tal-ballun. Hawnhekk Infantino qal li din hija turija ta’ kemm il-futbol jista’ jintuża għal għanijiet differenti u kemm minnu jista’ joħroġ ġid.
Hawnhekk huwa għadda ftit minuti jaqra ktieb dwar l-istorja tal-futbol u wara t-tfal kellhom l-opportunità jsaqsu l-mistoqsijiet li jixtiequ. Għal din l-attività kien hemm preżenti wkoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima. Huwa lagħab ukoll logħba futbol ma’ eks plejers ta’ Malta li fiha skurja gowl ukoll.
Flimkien mal-Ministru għat-turiżmu Clayton Bartolo u s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima, Infantino żar ukoll ix-xogħlijiet infrastrutturali li qed isiru fil-grawnd ta’ Hibernians. Hawnhekk faħħar il-kollaborazzjoni li qed issir bejn il-Gvern u l-klabbs Maltin sabiex il-logħba tal-futbol f’pajjiżna tkompli tingħata iżjed prominenza u jitjieb il-livell.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/06/18/il-pm-jiltaqa-mal-president-tal-fifa-gianni-infantino/