It-Tlieta waranofsinhar, il-President ta’ Malta, George Vella, ħa l-ewwel doża tal-vaċċin kontra l-COVID-19.
Liebes qmis u jgħin lill-infermiera waqt li xammar biex jirċievi t-tilqima, il-President tar-Repubblika, li huwa wkoll tabib, tenna li hu aċċetta mill-ewwel biex jieħu t-tilqima għal ġid ta’ saħħtu biex jilqa’ kontra l-imxija, filwaqt li appella biex il-poplu jagħmel l-istess meta jintalab jieħu l-vaċċin li huwa żviluppat mill-aqwa kumpaniji tal-farmaċewtika.
Il-President Vella stqarr: “Nerġa’ nagħmel l-appell illi malli jkun hemm iċ-ċans li l-individwu jiġi mgħajjat mill-awtoritajiet tas-saħħa biex imur jieħu l-vaċċin, għandu jmur jieħdu fl-interess tiegħu u tal-komunità; għax mhux biss ma jkunx jimportah minnu min ma jeħodhiex, imma jkun anke qiegħed ipoġġi l-komunità stess fil-periklu.”
Il-President tar-Repubblika aċċenna biex il-poplu ma jagħtix kas it-teoriji li qed ibeżżgħu lin-nies dwar il-vaċċin.
L-ewwel dożi tal-vaċċin wasal f’Malta l-għada tal-Milied, bil-ħaddiema tas-saħħa jkunu fost l-ewwel nies li jitlaqqmu kontra l-COVID-19. Filwaqt li fl-ewwel tas-sena tlaqqmu l-ewwel anzjani fir-residenza San Vinċenz De Paul.
Intant, minn nhar il-Ħamis li ġej se jibdew jitlaqqmu anzjani oħra f’residenzi oħra tal-anzjani.