Mas-sebħ ta’ jum ir-Repubblika ONE News kien fil-barracks ta’ Ħal Luqa isegwi l-aħħar preparamenti propju ftit minuti qabel l-iskwadri tas-suldati li kienu se jieħdu sehem fil-parata nazzjonali kienu se jitilqu lejn il-Belt.
Hemm hekk stajna naraw is-suldati jirċievu l-aħħar struzzjonijiet.
Spikkat is-serjetà liema bħala u r-rieda tas-suldati li jkunu parti minn parata tant prestiġjuża.
Il-Logutenent Kayleigh Gelfo spjegat kif l-ispezzjoni fuq l-uniformi tas-suldati ssir b’reqqa.
“Il-preparamenti dalgħodu kulħadd qam kmieniu ġie hawn jilbes l-uniformi, imur jiġbor l-arma. Hija importanti li l-uniformi tkun dejjem kif suppost u l-aħjar li tista’ tkun. Ikun hawn inspection tan-nies kollha li qegħdin fuq il-parata u iva hemm iċ-ċans li jekk ma tkunx l-istandard li huwa mistenni tinqala’ mill-parata, pero nassigurakom li kulħadd ħadem ħafna għaliha din u ħadd ma jkun irid jinqala’ minn fuqha.”
Wieħed seta’ jinnota xi eċitament minn numru ta’ suldati, speċjalment dawk żgħażagħ li għall-ewwel darba kienu parti minn din il-parata li għaliha kienu ilhom jippreparaw ħafna.