Il-Milied hu fost l-aktar żminijiet impenjattivi fil-kċejjen tal-lukandi li għandna mxerrda madwar il-gżejjer Maltin, fejn il-kokijiet u d-dulċiera jibdew jaħdmu fuq il-menu għal Jum il-Milied, u xi strutturi tal-ħelu bħala dekorazzjoni ma jonqsux ukoll.
Il-lukanda Intercontinental f’San Ġiljan kienet miżgħuda attività lejlet il-Milied waqt żjara li saret mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.
It-tmexxija tal-lukanda spjegat ma’ dan l-istazzjon li din is-sena, it-tħejjijiet għall-ikliet tal-Milied bdew minn ħafna qabel, anke biex kollox isir skont mekkaniżmu stipulati mill-awtoritajiet għall-qasam tal-ospitalità.
Il-Maniġer ta’ din il-lukanda, Neil Debono spjega: “Aħna qed inħejju menus speċifiċi. Kif rajt għadna kċina kreattiva ħafna, dejjem nippruvaw noħolqu xi ħaġa innovattiva li tolqot l-għajn imma wkoll li tolqot l-aptit ta ’dak li jkun.”
Debono nnota li minkejja kollox, il-lukanda rat tijib fis-servizzi fl-aħħar żmien, u issa qed iħares ‘il quddiem li issa l-qasam jerġa’ lura għal normalità.
Il-Ministru Bartolo faħħar lit-tmexxija ta’ din il-lukanda li qed taħdem biex ittejjeb il-prodott turistiku Malti.
Huwa stqarr: “Nilqa’ dejjem aktar ix-xogħol li qed isir fil-qasam tat-turiżmu li huwa wkoll ċertifikat tal-kuraġġ li l-investitur għandu f’pajjiżna u qed inħarsu ‘l quddiem ukoll lejn il-futur.”