Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kompla jġebbed l-iskużi biex jilgħab għall-ħin b’rabta man-nuqqas tal-kontijiet awditjati tal-Partit Nazzjonalista li baqgħu qatt ma ddaħħlu lill-Kummissjoni Elettorali, kif inhu obbligat bil-liġi, mindu laħaq hu. Dan anke jekk ingħata ħames twissijiet formali u saħansitra ngħata estensjonijiet biex jagħmel dan, iżda issa anke dawk qed jikser.
Dwar dan, ONE News reġa’ ttanta jistaqsi lil Grech x’biħsiebu jagħmel biex jirrimedja s-sitwazzjoni bi ksur tal-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti u jdaħħal il-kontijiet annwali sa mill-2021.
Minkejja dan, reġa’ ħarab minn tweġiba ċara u weġibna biss hekk…
“Diġà għedt aħna nieħdu l-affarijiet bis-serjetà.”
Dan anke jekk, kif inhu fattwalment magħruf u l-ksur tal-liġi ilu għaddej għal tliet snin issa, il-Partit ta’ Bernard Grech, aktar kmieni din is-sena, kiseb perjodu ta’ estensjoni mill-Kummissjoni Elettorali għal kull sena tal-kontijiet awditjati li għadhom ma ddaħħlux.
Minkejja dan, xahar ilu, il-gazzetta MaltaToday kienet irrapportat kif il-Partit Nazzjonalista lanqas l-ewwel estensjoni ma żamm magħha.
Sal-lum ukoll għadu ma ssottometta l-ebda mill-istatement of accounts għall-2021, l-2022 u l-2023, flimkien mar-rapporti tad-donazzjonijiet għall-2022 u fl-2023.
Bernard Grech ilu jġib kull forma ta’ skuża dwar dan il-ksur sfaċċat tal-liġi u, biex jevita s-suġġett imbarazzanti, qal li “l-affarijiet jieħdu ż-żmien tagħhom”, “ma setax isib awdituri” u mbagħad li “nbidel l-awditur”, fost l-oħrajn.
Dwar dan, aktar kmieni din is-sena, ukoll infetaħ rikors ġudizzjarju mill-kandidati Laburisti għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Dr Daniel Attard u Dr Marija Sarah Vella Gafà.
Issa din il-ġimgħa, mal-mikrofonu ta’ ONE News, il-Kap Nazzjonalista ttanta jindika li qabad il-barri minn qrunu, anke jekk xorta ma indika l-ebda data prospettiva meta se jirregolarizza l-qagħda tal-Partit li jmexxi.
“Se nibqa’ ninsisti li l-affarijiet jingħalqu mill-aktar fis possibbli.”