Ġurnata oħra u żvolta ġdida fil-Partit Nazzjonalista b’rabta mal-pożizzjoni tiegħu fuq il-konsultazzjoni pubblika b’rabta mar-riforma għall-liċenzjar tal-kuntratturi.
Dan hekk kif wara inkonsistenzi kbar mid-Deputati Nazzjonalisti fuq din il-materja, issa l-Partit Nazzjonalista qed jgħid li daqt se jkun qed joħroġ il-proposti tiegħu.
Dan permezz tad-Deputat Ian Vassallo Ħaġi, li kien qed iwieġeb mistoqsija ta’ ġurnalist minn dan l-istazzjon, barra l-Parlament.
“Dalwaqt ħa jkunu qed joħorġu wkoll tibżax.”
Din id-dikjarazzjoni waslet, minkejja li l-konsultazzjoni pubblika b’rabta ma’ din ir-riforma ilha li għalqet u l-Partit Nazzjonalista baqa’ ma ssottometta l-ebda proposta jew idea.
Dan għall-kuntrarju ta’ dak li kien qal id-Deputat Nazzjonalista Stanley Zammit fejn kien irrimarka li l-Partit Nazzjonalista għandu sal 21 ta’ April biex jitfa’ s-sottomissjonijiet tiegħu.
Sottomissjonijiet li qatt ma waslu.
Stanley Zammit – “Il-liċenzjar ta’ kuntratturi qegħdin fi proċess ta’ konsultazzjoni. Aħna u l-istakeholders kollha.”
Ġurnalist – “Ilha iktar minn ġimgħa imma u għadkom qas ħadtu pożizzjoni.”
Stanley Zammit – “Għandna, jekk miniex sejjer żball, sal-21 ta’ April.”
Intant, ONE News staqsa lil deputati oħrajn dwar din il-konfużjoni mill-Partit Nazzjonalista b’rabta ma’ din ir-riforma tant importanti.
Id-Deputat Charles Azzopardi, evidentament skomdu qal li m’għandux x’jikkumenta.
Ġurnalist – “Issemmili risposta li ressaqtu fil-konsultazzjoni pubblika dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi?”
Charles Azzopardi – “M’għandix x’nikkummenta, ta.”
Minn naħa l-oħra, Albert Buttigieg attakka lill-ġurnalist ta’ dan l-istazzjon għaliex sempliċiment għamillu mistoqsija sabiex jispjega l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista, quddiem dawn l-inkonsistenzi.
“Ma nafx għala ssaqsini mistoqsijiet li xi kultant huma b’nuqqas ta’ ħsieb.”
Dan l-atteġġjament minn naħa ta’ Buttigieg, ikompli ma’ dak tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech li għal darba darbtejn sostna kif il-Partit Nazzjonalista m’għandux għalfejn jipparteċipa f’dawn it-tip ta’ proċessi mill-Gvern.
“Aħna m’għandniex għalfejn nipparteċipaw fi proċess
“Ma jfissirx li nagħmlu sottomisjonijiet lill-Gvern.”