Il-Partit Nazzjonalista għal darb’oħra ħareġ jattakka u pprova jitfa’ dubju fuq l-imħallef sedenti fuq il-kawża tal-isptarijiet kontra l-Avukat tal-Istat, li fetħu Bernard Grech u Adrian Delia.
Dan hekk kif it-Tnejn filgħodu, l-Imħallef Giovanni Grixti beda jisma’ din il-kawża u li għaliha attenda wkoll il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministri Jonathan Attard u Byron Camilleri.
Dan wara li ftit tal-jiem ilu, il-Gvern daħħal rikors biex jintervjeni f’din il-kawża.
L-attakk tal-Partit Nazzjonalista ħareġ fil-bidu tas-seduta meta l-avukati tal-Oppożizzjoni staqsew lill-Imħallef jiddikjara l-parentela li għandu mal-kirurgu u t-tabib Charles Grixti, li llum hu mejjet. Dan wara li snin ilu dan kien tqabbad mill-Gvern biex jagħmel xogħol għalih b’rabta mal-proposta ta’ Steward.
Fl-istess waqt, l-Oppożizzjoni, wara din id-dikjarazzjoni intiża biex thedded lill-Imħallef sedenti, qalet li m’għandhiex riservi dwar kif inhi ppreseduta l-Qorti.
Proprju dwar dan, ftit tal-ħin wara rreaġixxa l-Prim Ministru Robert Abela hekk kif iddeskriva din il-mossa bħala pistola ppuntata lejn ras l-imħallef sedenti.
“L-aktar ħaġa li laqtitni dalgħodu kien l-attakk surreali, però ngħid kważi kważi mistenni għax konsonanti u konformi mal-imġieba tal-Oppożizzjoni, il-pistola li l-Oppożizzjoni dalgħodu u l-Kap tal-Oppożizzjoni speċifikament ipponta lejn ras l-imħallef sedenti li qed jisma’ din il-kawża.”
Robert Abela – Prim Ministru
Fil-fatt, il-Prim Ministru rrimarka kif dan id-dubju, li pprovat tixħet l-Oppożizzjoni, hu sintomatiku mal-attakk selettiv li dejjem tagħmel fejn jidhrilha.
“Bdiet bl-aktar mod surreali din il-kawża. Li l-Kap tal-Oppożizzjoni jipprova jħammeġ u jitfa’ xi ombra ta’ dubju fuq l-imħallef li qed jisma’ din il-kawża. Sintomatiku dan mal-attakk selettiv li tagħmel fuq wħud mill-istituzzjonijiet meta u kif jidhrilha.”
Robert Abela – Prim Ministru
Dan kollu, tenna l-Prim Ministru, ikompli jiġġustifika l-bżonn li l-Gvern jidħol bħala parti minn din il-kawża.
“Hu proprju dan it-theddid li mmotiva lill-Gvern biex jagħmel it-talba tiegħu biex jidħol f’din il-kawża għax ma jistax ikun li l-Oppożizzjoni thedded b’dan il-mod lill-istituzzjonijiet, fosthom lill-Avukat tal-Istat li jagħmel jew kif jidhrilha hi u kif tiddeċiedi hi inkella tispara lejn rasu u t-tieni raġuni l-ħsara kbira li tista’ ssir lejn l-Arbitraġġ Internazzjonali li tajjeb ngħidu li dan il-Gvern ilu numru ta’ xhur li mexxa.”
Robert Abela – Prim Ministru
Iżda quddiem dan kollu, l-Oppożizzjoni, permezz tal-avukati tagħha, iddikjarat li hi kontra li l-Gvern jidħol bħala parti minn din il-kawża u ppreżentat ir-risposta tagħha fejn qed topponi din it-talba.
Dan minkejja li l-istess avukati qalu li ma kinux għadhom ġew notifikati bir-rikors tal-Gvern.
L-Avukat tal-Istat, Dr Chris Soler, flimkien mal-Avukati James D’Agostino u Julian Farrugia rrappreżentaw lill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, filwaqt li l-Avukati Ian Borg, Chris Cilia u Maurizio Cordina rrappreżentaw lill-Kabinett tal-Ministri u l-Gvern ta’ Malta.
Il-kawża ġiet differita għat-Tnejn 15 ta’ Jannar fid-disgħa u kwart ta’ filgħodu, fejn hemm il-Qorti mistennija tisma’ s-sottomissjonijiet tal-Gvern dwar it-talba biex jidħol f’din il-kawża.