Il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech qed ikompli jagħżel li jdawwar il-każ traġiku ta’ Nicolette Ghirxi f’ballun politiku. Dan hekk kif, f’konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa waranofsinhar, talab għal inkjesta indipendenti. Xi ħaġa li diġà tħabbret mill-Gvern.
Fil-fatt il-Ministru għall-Politika Soċjali, Michael Falzon, it-Tlieta, ħabbar l-inkjesta, li se tkun immexxija mill-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano, waqt li wkoll tħabbar mill-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, li l-Bord indipendenti għall-Ilmenti tal-Pulizija diġà qed jistħarreġ l-operat tal-Korp fuq il-każ inkwistjoni.
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, staqsejna lid-Deputata Nazzjonalista Graziella Attard Previ dwar jekk għandhiex fiduċja fl-Imħallef Emeritu Quintano, iżda evidentament din sabitha bi tqila tgħid imqar iva jew le.
“Il-fiduċja tiegħi fl-Imħallef m’għandhiex x’taqsam mal-fiduċja li jinħatar bord tal-inkjesta, bord tal-inkjesta li għandu jkun indipendenti.”
Komplejna ninsistu u nistaqsu lil Attard Previ jekk għandhiex fiduċja fl-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano, iżda ma riditx tgħidilna.
ĠURNALIST: “Għandek fiduċja? Iva jew le?”
GRAZIELLA ATTARD PREVI: “Aħna qegħdin intellgħu hawnhekk li l-inkjesta indipendenti.”
L-inkjesta separata, li tħabbret it-Tlieta mill-Ministeru għall-Politika Soċjali, hi waħda indipendenti mill-istrutturi tal-Gvern. Sadanittant, f’kummenti mal-midja, l-Erbgħa, il-Ministri Michael Falzon u Jonathan Attard qalu li hemm laqgħa skedata bejn il-Gvern u l-familja tal-vittma.
B’dan ġie kkonfermat ukoll fi stqarrija tal-Gvern maħruġa mill-Ministeru għall-Politika Soċjali, fejn intqal li hi tassew ħasra li l-Partit Nazzjonalista qed jibqa’ jagħżel li jdawwar każ traġiku f’ballun politiku.
Dan juri insensittività totali lejn kull min, b’xi mod, ikun involut f’każi simili.
AQRA AKTAR: