Fi tmiem laqgħa tal-Kabinett li ddiskuta fost oħrajn it-tema tal-edukazzjoni fl-iskola sekondarja ta’ Ħad-Dingli, il-Prim Ministru wieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.
Huwa kien mistoqsi fuq ir-riforma fis-settur tal-midja fejn il-Gvern preżenta l-abbozzi ta’ liġi wara li laqa’ sebgħa u tmenin fil-mija tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Esperti fil-Midja favur il-protezzjoni tal-ġurnalisti.
Dr Abela wieġeb b’mod ċar li sar proċess miftuħ ħafna b’konformità mal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar Daphne Caruana Galizia li tmexxiet minn Imħallef Emeritu li wkoll mexxa l-Kumitat t’Esperti.
Il-Prim Ministru saħaq li l-abbozzi ilhom fid-dominju pubbliku fil-forma ta’ karti mpoġġija fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti għal iktar minn disa’ xhur.
“Dawk ilhom hemmhekk minn Jannar ta’ din is-sena, jiġifieri ilhom hemmhekk numru ta’ xhur, jiġifieri kull min kellu interess li b’xi mod jew ieħor jikkummenta dwarhom jew jagħti reazjoni tiegħu, allura kellu l-libertà li jagħmel dan. Imma mhux hekk biss il-ħames abbozzi, ma tellaqnihomx, anzi drafts ma kinux formalment preżentati bħala ma abbozzi ta’ liġi quddiem il-Kamra imma kienu papers laid. Poġġejnihom quddiem il-Kumitat ta’ Esperti, tajna żmien ta’ xahrejn lill-Kumitat t’Esperti biex jevalwa u jiġi lura bir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, il-Kumitat t’Esperti kellu l-libertà sħiħa li jikkonsulta ma’ min ried, b’żieda mal-konsultazzjoni li konna għamilna aħna qabel poġġejna dawk l-abbozzi quddiemu, il-konsultazzjoni hemmhekk kienet wiesgħa u ma kinitx limitattiva jiġifieri l-Kumitat t’Esperti kellu l-libertà sħiħa li jitkellem ma’ min ried.”
Il-Prim Ministru sostna wkoll li fil-laqgħa tal-Kabinett tat-Tlieta ġew approvati tliet proġetti li l-għan tagħhom huwa li jinħadmu bi sħab mal-privat.
“Propju fis-seduta tal-Kabinett tal-lum approvajna tliet proġetti li se jkunu qed jinħarġu sejħiet pubbliċi dwarhom, se jkunu mudell ta’ PPP bażikament se nkunu noħorġu il-binja tax-Chalet, il-binja tal-Pixkerija kif ukoll il-binja tal-Evans bħala RFP biex jiġu żviluppati mill-privat u nemmen li se jkollna tliet żviluppi ta’ kwalità.”
Dwar il-każ t’allegat vjolenza minn tliet pulizija, il-Prim Ministru saħaq li l-imġiba ta’ membru wieħed ma tirriflettiex il-ħidma sfieqa t’eluf ta’ membri tal-forzi tal-ordni fil-pajjiż.
Il-Prim Ministru spjega wkoll li l-politika ta’ pajjiż fuq materja sensittiva bħal ma hija l-immigrazzjoni ma għandhiex tinbidel fuq każ iżolat. “Ma jistax ikun li l-imġiba ta’ persuna waħda tirrifletti l-imġiba ta’ ħamest elef membru tal-Korp u tal-forzi tal-ordni. Li nista’ ngħid huwa li l-maġġoranza assoluta tal-membri tal-forzi tal-ordni jagħmlu xogħolhom b’rispett u b’dinjità u b’rispett lejn il-ġurament tal-ħatra tagħhom u ngħid li jien sodisfatt bir-riformi li saru kemm fil-Korp tal-Pulizija, kemm fl-Armata, kemm fis-CPD, kemm fil-LESA u f’entitajiet oħrajn li huma inkarigati mill-infurzar ħallew riżultati tajbin ħafna.”