Nhar it-Tnejn 29 ta’ Ġunju, kważi ħames mitt tunnellata ta’ patata Maltija ser jibdew il-vjaġġ twil tagħhom mill-Port il-Kbir lejn ix-xtut Afrikani fin-Namibia. Dan wara li ħarġet sejħa għall-forniment sabiex tkun t’għajnuna f’dan iż-żmien ta’ kriżi tal-ikel li bħalissa qiegħda taħkem lil dan il-pajjiż.
Din se tinħażen f’kundizzjonijiet apposta biex tiġi ppreservata waqt il-vjaġġ twil li mistenni jintemm fl-aħħar ġimgħa t’Awwissu.
Nofs miljun persuna mistennija jibbenifikaw minn din l-inizzjattiva hekk kif pajjiżhom għadda minn żmien kiefer ta’ nixfa assoluta u dawn il-problemi gravaw minħabba l-pandemija.
Raphael Scerri, esportatur tal-patata, stqarr li din l-inizzjattiva kienet opportunità tajba sabiex jesponu l-prodott tagħhom f’suq ġdid.
Huwa spjega: “Aħna ħa nagħmlu karità, sadanittant il-bidwi Malti ħa jieħu nifs għax il-Gvern ħa jħallsu lill-bidwi u wkoll ħa nagħmlu riklam tal-patata Maltija f’dan il-pajjiż u naħseb iva ħa jkun hemm interess fil-patata tagħna u għalhekk niftħu niċċa oħra, suq ieħor illi jkun għalina, prezzjuż ħafna.”
Il-Ministru Evarist Bartolo stqarr li dan il-ġest ta’ solidarjetà għandu jwassal għal aktar koperazzjoni u potenzjal ta’ kummerċ.
Il-Ministru stqarr: “Aħna fl-interess tagħna li niżviluppaw l-aħjar rabtiet u kummerċ ma’ pajjiżi Afrikani. Għandna ħafna x’nagħtu u għandna ħafna x’nieħdu lura għaliex jekk inkunu qed niżviluppaw dawn il-pajjiżi nkunu qed noffru wkoll futur lill-popli tagħhom f’pajjiżhom stess.”
Il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo saħaq li din l-għotja ser toffri opportunità biex Malta tiftaħ niċċa oħra għall-prodott lokali.
Huwa sostna: “Naħseb illi llum solidarjetà u għada opportunità għaliex kif jgħidu xi kultant mix-xewk joħroġ il-ward. Aħna nistgħu niftħu niċċa ġdida sabiex hemmhekk ukoll aħna l-prodott tagħna nistgħu nbiegħuh hemmhekk.”