Kien għadu ħalib ommu fi snienu meta kien beda jaħdem il-presepju flimkien ma’ ħuh il-kbir.
Is-snin tgerbu, minn tfajjel ta’ erba’ snin bin-namra lejn il-Milied sar żagħżugħ li beda jikollezzjona l-pasturi. Għandu kollezzjoni minn madwar id-dinja, iżda bi sfortuna beda jinduna li l-pasturi lokali kienu qed jiġu skarsi. Minn hemm bdiet ħidma oħra għal Pawlu Muscat, Karkariż li minn ta’ 24 sena beda jaħdem il-pasturi tipiċi Maltin bit-tafal.
“Bdejt nagħmel is-sett oriġinali tal-pasturi li nagħmel jiena, illi qed nipprova nkun b’karattri Maltin fil-presepju Malti, kif kienet il-ħajja ta’ missirijietna qabel l-ewwel gwerra dinijina, qabel it-tieni gwerra dinjija u eżatt wara t-tieni gwerra dinjija. Meta bdew jiskarsaw il-pasturi Maltin.”
Meta żorna lil Pawlu fil-post li fih jaħdem diversi settijiet ta’ pasturi, fejn spjegalna l-proċess ta’ kif jaħdem il-pasturi.
“Il-forma tkun tal-ġibs verġni, tippressa t-tafal fil-forma, taqlaha, tnaddaf u żżid l-idejn u l-aċċessorji li jkollok bżonn. Minn forma waħda ġieli toħroġ seba’ pasturi differenti.”
Pawlu qalilna liema huma l-aktar pasturi popolari.
“Pereżmepju din is-sena għamilt ir-raġel tal-għonnella, li huwa s-sinjur, ġej bil-bagalja; jew ikun xi avukat bil-kappell bil-lobbja. Għamilt tnejn xiħ u xiħa bilqegħda fuq siġġu, imma dawk mhumiex il-pasturi normali li nagħmel fis-sett, ikunu mitlubin mill-individwi biex nagħmilhomlom.”
L-iskultur temm jgħidilna wkoll li pasturi mitluba oħra huma d-daqqaqa Maltin għaliex dawk huma xi ħaġa tradizzjonali Maltija fejn għandek sett ta’ mużiċisti tipiċi Maltin bit-tanbur, l-orgni, il-kitarra u ż-żaqq.