Il-ftuħ tal-mużew ġdid il-MUŻA ntlaqa’ tajjeb minn bosta persuni fi ħdan is-settur tal-arti u l-kultura.
MUŻA, li jinsab fil-Berġa tal-Italja, huwa l-unika Mużew Nazzjonali tal-Arti f’pajjiżna.
Bosta persuni preżenti għall-ftuħ tal-mużew is-Sibt filgħaxija, saħqu li l-investiment ta’ €10 miljun kien bżonnjuż f’pajjiżna hekk kif jixpruna iktar kisbiet fis-settur artistiku.
Il-kuratur tas-sezzjoni tas-seklu 19 fit-tim tal-MUŻA, Bernadine Scicluna, saħqet li dan il-mużew se jkompli jkabbar l-interess tal-poplu Malti fis-settur artistiku hekk kif iżid l-aċċessibiltà tal-pubbliku għall-arti Maltija:
“Proġett bħal dan jgħati opportunità għal iżjed aċċessibilità għall-pubbliku u permezz ta’ revision tat-temi u tan-narrattiva differenti li x-xogħlijiet jistgħu joffru inkompli nwasslu l-messaġġ tal-importanza tal-kultura u l-arti u r-relevanza tagħha fil-ħajja hawn Malta”.
ONE News tkellem ukoll ma’ Katya Micallef, il-kuratur tas-sezzjoni tal-Arti Moderna u Kontemporanja, li fissret kif għall- ewwel darba l-arti moderna u kontemporanja qed tingħata lok fejn tista’ tiġi apprezzata f’pajjiżna:
“Għall-ewwel darba se jkollna numru ta’ kmamar li se juru xogħlijiet li huma moderni u kontemporanji, u apparti minn hekk ix-xogħol modern u kontemporanju wkoll se jiddjaloga, u jitkellem ma xogħol iktar antik”.