Diversi filmati miġbuda minn madwar Tehran l-Iran qed juru dak li tidher bħala missila tolqot l-ajruplan tat-tip Boeing 737 tal-linja Nazzjonali Ukrena. Tard il-Ħamis filgħaxija uffiċċjali tal-qawwiet Amerikani vverifikaw dawn il-filmati li bdew jiċċirkolaw ferm fuq diversi pjattaformi tal-midja soċjali. Il-President Amerikan ġie kkwotat jgħid li dan l-ajruplan intlaqat bi żball minn missila sparata mill-Armata Iranjana bħala ritaljazzjoni għall-attakk ta’ Donald Trump li permezz tiegħu nqatel il-Ġeneral Qassem Soleimani.
Aktar minn nofs il-passiġġieri fuq dan l-ajruplan li twaqqa’ kienu Kanadiżi li ħafna minnhom kienu professuri ta’ fiversi Universitajiet madwar il-Kanada kif ukoll kien hemm koppja li kienet għadha kif iżżewġet. Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson fi stqarija qal ukoll li fuq dan l-ajruplan li twaqqa’ kien hemm ukoll erba’ passiġġieri mir-Renju Unit. Minkejja dan il-Gvern Iranjan qed jiċħad kategorikament dawn ir-rapporti.
Fl-istess waqt, rapporti fil-midja Iranjana qed tgħid li l-kaxxi s-suwed tal-ajruplan instabu. Dawn jistgħu jagħtu stampa ċara ta’ x’verament ġara fuq l-ajruplan fil-mumenti ta’ xħin intilef minn fuq ir-radar. Madankollu sa issa dawn il-kaxxi li huwa mifhum li sofrew diversi ħsarat għadhom fil-pussess tal-Gvern Iranjan.