Tard il-bieraħ filgħaxija xufier ta’ karozza li kienet qiegħda tinstaq għall-provi fit-trakka tal-kwart ta’ mil ta’ Ħal Far jista’ jgħoddha b’ waħda hekk kif il-karozza li kien qed isuq tilfet il-kontroll, ħabtet mal-barrikati u saret ballun tan-nar.
Minn filmat mtella fuq Facebook mill-paġna Motorsmt deher li minkejja li x-xufier kellu tluq kważi perfett fin-nofs tat-tiġrija tilef il-kontroll tal-karozza fejn dar numru ta’ dawriet fuqhu nnifsu u daħal b’saħħa liema bħalha fil-barrikati li hemm jifirdu l-korsa mit-triq li hemm mal-ġenb.
Immedjatament wara l-inċident ħarġet vettura tat-tifi tan-nar tas-St John Rescue Corps fejn permezz ta’ numru ta’ pumpiera tfew in-nirien u taw l-ewwel għajnuna medika lix-xufier li laħaq ħareġ waħdu minn qalb it-tifrik tal-karozza. Huwa ttieħed l-isptar permezz ta’ ambulanza fejn inaghta l-kura għall-ġrieħi li ġarrab.
Il-provi kellhom jieqfu sakemm irriżulta li x-xufier ma kellux ġrieħi serji. Numru ta’ entużjasti tat-tlielaq tal-karozzi li tkellmu ma’ one.com.mt spjegaw kif dan l-inċident seta’ kellu konsegwenzi ferm aktar serji kieku x-xufier ma kienx liebes l-ilbies protettiv li huwa obbligatorju f’dawn it-tip ta’ tlielaq, fejn apparti l-elmu huma jkunu liebsin ukoll racing suit u balaclava li jipproteġuk minn nirien.