Ħmistax wara li ż-żona protetta tal-Maqluba fil-Qrendi ġarrbet ħsarat kbar kawża ta’ nirien kbar, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi tinsab konvinta li n-nar kien konsegwenza tal-bniedem u mhux tan-natura nfisha.
In-nar tkebbes lejlet Santa Marija u ħa bosta jiem biex jintefa’ għal kollox.
L-uffiċjal fid-Direttorat għall-Konformità u l-Infurzar tal-Awtorità tal-Ambjent Stanley Gatt qal ma’ ONE NEWS li fost l-ispeċi ta’ siġar li ntlaqtu kienu s-siġar tar-rand u l-qasab li hija speċi invażiva.
Qal li n-nar kien ikkonċentrat fiċ-ċentru tal-ħofra iżda affettwa wkoll siġar tar-Redu li qegħdin mal-irdum. B’xorti tajba, is-siġar tal-Għagħar li jinsabu f’din iż-żona ma ntlaqtux.
“Tlabna informazzjoni mal-ewwel mingħand entitajiet li kellhom informazzjoni li setgħet titfa’ dawl fuq l-akkadut b’mod partikolari l-Protezzjoni Ċivili ilhi rrespondew, kienu huma li rrespondew l-ewwel għall-inċident.”
Qal li minbarra l-investigazzjoni tal-pulizija li għad trid tistabbilixxi min kien responsabbli tan-nirien, bdiet tagħmel investigazzjoni separata biex tevalwa l-ħsara ambjentali li saret.
“S’issa l-investigazzjonijiet dejjem ikkonċentraw fuq il-possibilita’ ilhi n-nar kien konsegwenza tal-bniedem. Għalfejn qiegħed ngħid hekk? Għaliex jidher li n-nar ma kienx ikkawżat min natura, ċoe affarijiet meterjolodiġiki jew hekk.”
Fid-dawl ta’ dan, l-ERA se tkompli tagħmel l-investigazzjonijiet biex ikollha konkluzzjoni ta’ x’ġara eżatt.
“L-ERA se tkompli l-investigazzjonijiet tagħha biex ġa la darba l-konluzzjonijiet tagħna jekk huwa li jittieħdu xi passi leġali kontra xi entita ilhi kienet responsabbli għall-akkadut, dawk il-passi jittieħdu.”