Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rilassament tal-miżuri konċernanti mal-isport, hekk kif fil-ġranet li ġejjin se jiftħu numru ta’ faċiliatjiet sportivi ‘outdoor’ ta’ SportMalta u l-atleti se jkunu jistgħu jerġgħu jipprattikaw l-isport tagħhom fil-miftuħ.
Is-Segretarju Parlamentari Grima qal li dan kollu ma kienx ikun possibbli mingħajr is-serjetà, kreattività u dixxiplina ta’ numru sabiħ ta’ assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet nazzjonali li kienu pro-attivi u avviċinaw lis-Segretarjat Parlamentari u lil SportMalta bis-suġġerimenti u r-rapporti dettaljati tagħhom u, fis-silenzju u b’koordinazzjoni, ħadmu flimkien sabiex, wara numru konsiderevoli ta’ laqgħat, fl-aħħar ittieħdu l-aħjar deċiżjonijiet sabiex l-attività ta’ numru ta’ dixxiplini sportivi terġa’ tibda.
“Nappella lill-atleti biex jipprattikaw l-isport fil-limiti tad-direttivi tal-avviż legali u l-linji gwida b’rispett lejn xulxin u tas-soċjetà tagħna, li għalkemm għamlet passi ta’ ġgant fl-aħħar ġimgħat, għadha ma ħarġitx totalment minn dan il-perjodu ta’ sfida,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Grima.
Dawn huma ir-rekwiżiti għall-isport kollu:
- It-taħriġ jista’ jsir fi gruppi ta’ sitta u jista’ jkun magħmul minn ħames atleti u kowċ, jew grupp ta’ sitt atleti.
- L-atleti għandhom ikunu mbegħdin minimu ta’ 3 metri għall-isport kollu ħlief għal xi ftit eċċezzjonijiet fejn id-distanza minima hija ta’ 2 metri.
- L-atleti għandhom jitħarrġu fi gruppi tal-istess 5 jew 6 individwi matul is-sessjonijiet kollha ta’ taħriġ tagħhom, u m’għandhomx jaqilbu gruppi għal xi raġuni.
- Il-kowċis għandhom jitqiesu bħala parti mill-grupp (jekk ikun hemm) u għandhom iżommu distanza ta’ 3 metri kif ukoll jilbsu maskra protettiva.
- Mhux permess li tagħmir jissellef minn atleta għal ieħor.
- In-numru totali ta’ persuni permessi fil-post għandu jammonta għal mhux aktar minn persuna waħda għal kull 20 metru kwadru ta’ spazju ta’ taħriġ użabbli.
Għal iktar informazzjoni, l-għaqdiet, assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi għandhom jirreferu għall-linji gwida ppublikati u jistgħu jagħmlu kuntatt ma’ SportMalta fuq info@sportmalta.org.mt.