L-istudenti tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi baqgħu bil-kotba miftuħin u l-istudenti komplew isegwu l-lezzjonijiet online.
B’ħidma u dedikazzjoni kollettiva bejn l-amministrazzjoni u l-letturi ta’ l-Istitut qed isir użu minn sistema mgħammra bl-aħħar teknoloġija li ilha tintuża sentejn u minħabba l-imxija tal-coronavirus, issa qed tintuża ta’ kuljum.
Id-Direttur tal-Istudji fl-ITS Glen Farrugia spjega ma’ dan l-istazzjon kif hemm mal-mitt taqsima ta’ suġġetti varji mgħallma fl-ITS.
Qal li 80% ta’ dawn qed jiġu mgħallma b’mod virtwali.
Is-Sur Farrugia spjega: “Aħna bħala ITS ħadna stock ta’ b’mod individwali speċjalment għal-lecturers jekk kullħadd għandux ir-riżorsi tal-IT biex ikun jista jipproċedi b’dawn il-lectures online għax mhux billi tgħid inti ħa tagħmel din is-sistema online.”
L-ITS għamel ukoll arranġamenti għall-istudenti li qed isegwu l-kors ta’ baċċellerat f’istitut fi Franza u f’Università fil-Finlandja sabiex dawn ikunu jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom online.
Studenta tat-tielet sena fl-ITS kellmitna bejn lezzjoni u oħra. Elka Cutajar stqarret: “Qed inkunu iktar looking forward għal-lezzjonijiet minn qabel għax mhux naraw lill-xulxin, mhux nitkellmu bejnietna u nkunu vera eċċitati meta jkollna lezzjoni kullħadd jibda jifraħ. Għax filli dejjem flimkien u issa qed niltaqgħu fuq onlajn. Allura naħseb iktar qed inkunu flimkien maqgħudin.”
Il-lettur Aaron Rizzo qalilna li minkejja li kien xettiku dwar il-lezzjonijiet online, din is-sistema ħadmet u lezzjonijiet saru bħas-soltu.
Is-Sur Rizzo sostna: “Xorta nieħu r-reġistru biex nieħu l-attendenza tal-istudenti dik hija waħda. Nista nara mill-onlajn platform ta’ Microsoft Teams il-lista tal-parteċipanti u nista’ li nara li huma qegħdin preżenti. U ħadmet għax ħadmet għax l-istudenti jiena bdejt nirrepeti u ngħidilhom kollox sew? Qegħdin tifhmu dak li qed ngħidu?”
Intant il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli qalet li dan hu mument kruċjali biex ninvestu aktar minn qatt qabel fir-riżorsi u fil-ħaddiema, biex meta tgħaddi din il-fażi, ikollna servizz tal-ogħla livell fl-industrija tat-turiżmu.