F’xahrejn mindu daħal fis-seħħ l-użu obbligatorju tal-maskri f’ċertu postijiet bħal fuq il-vapuri tal-Gozo Channel u fuq tal-linja, l-uffiċjali tal-komunità tal-Aġenzija għall-Infurzar Lokali, wettqu eluf ta’ spezzjonijiet biex jaraw li dan iseħħ.
Mis-sbatax t’Awwissu sad-dsatax t’Ottubru, l-uffiċjali tal-LESA wettqu kważi erbat elef spezzjoni fuq il-karozzi tal-linja, fejn inħarġu tliet mija u disgħa u ħamsin ċitazzjoni.
Fil-ħwienet saru kważi disa’ mitt spezzjoni, u nħarġu tnejn u sittin ċitazzjoni, filwaqt li fuq il-vapuri tal-Gozo Channel saru spezzjonijiet regolari u għall-għarrieda fejn inħarġu mija u erbgħa u erbgħin ċitazzjoni.
SPEZZJONIJIET | ĊITAZZJONIJIET | |
FUQ TAL-LINJA | 3934 | 359 |
FIL-ĦWIENET | 873 | 62 |
FUQ IL-VAPURI TAL-GOZO CHANNEL | – | 144 |
Din il-ħidma issa nfirxet ukoll fit-toroq, hekk kif mis-Sibt, l-użu tal-maskri sar obbligatorju kullimkien.
Dan l-istazzjon segwa mill-qrib l-ispezzjonijiet f’Tas-Sliema, fejn l-uffiċjal tal-komunità Louiseanne Farrugia, spjegat kif il-ħidma għalissa hija msejsa fuq l-edukazzjoni.
Qalet li, “Barra għadna qed nagħtu warnings jiġifieri nkellmu lin-nies ħalli min ma jafx ikun jaf. Issa l-ġimgħa d-dieħla tkun storja differenti għax ikunu diġà avżati kemm minna kif ukoll anki mill-pubbliku għax in-nies stess javżaw lil xulxin.”
Il-maġġoranza tan-nies li ltqajna magħhom it-Tlieta filgħodu kienu kollha bil-maskra, iżda kien hemm uħud li qalu li ma kinux jafu, u oħrajn li kellhom il-maskra taħt l-imnieħer.
Hawnhekk jintervjenu l-uffiċjali, li bil-kelma t-tajba, jgħidulhom kif għandhom jilbsu l-maskra.
Spjegat li, “Kulħadd jaf, ġieli jippruvaw jilagħbuha li ma jkunux jafu, però l-maġġoranza kulħadd jaf għax jekk m’għidnilhomx aħna jew il-Pulizija, qalilhom xi ħaddieħor li kien għaddej minn ħdejhom.”
L-għan aħħari mhuwhiex biex jingħataw iċ-ċitazzjonijiet, imma biex kulħadd jimxi mal-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa ħalli n-numru ta’ infezzjonijiet ikunu kkontrollati.
Qalet kif, “Aħna nedukaw lill-pubbliku biex flimkien innaqqsu l-imxija u nerġgħu niġu għan-normal kif konna qabel.”
Din il-ħidma tmur id f’id mal-ispettorat tas-Saħħa u tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, li wkoll għaddejjin b’ħidma kbira f’postijiet differenti.