Il-Kurja tal-Arċisqof sosniet li tempatizza mar-residenti fil-Qala li huma mħassba dwar x’se jiġri mill-proprjetà tagħhom. Dan minkejja d-deċiżjoni tal-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna ftit tas-snin ilu li rrinunzja l-kontroll fuq il-Fondazzjoni li tamministra numru ta’ artijiet fil-Qala u n-Nadur għas-somma ta’ €200,000.
Fil-fatt, kawża ta’ din id-deċiżjoni, fl-aħħar jiem, familja mill-Qala ġiet ordnata mill-Qorti biex tiżgombra mill-proprjetà tagħha, b’din id-deċiżjoni tista’ taffetwa oħrajn li joqogħdu fuq art tal-Fondazzjoni Abbazia di Sant Antonio delli Navarra, li issa hi amministrata mill-Avukat Patrick Valentino u Dei Conti Holdings Limited.
B’riżultat ta’ dan, l-Arċidjoċesi m’għadx għandha kontroll ta’ din il-medda ta’ art u persuni, li jgħixu fuq din l-art u bdiewa li jaħdmu raba’ agrikola, fost oħrajn, jinsabu f’riskju li jitilfu l-art li ilhom jgħixu fuqha jew jaħdmuha, kif fil-fatt ġralha l-familja fil-Qala.
ONE News proprju staqsa lill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi għal reazzjoni b’rabta ma’ dan l-iżvilupp li mistenni jaffettwa lil għadd kbir ta’ persuni oħrajn.
Madankollu l-ġurnalist baqa’ mingħajr risposta, minkejja n-natura sensittiva ta’ dan is-suġġett, b’uffiċjali tal-komunikazzjoni jġebbdu fl-Isqof biex jevita jikkummenta dwar dan il-każ.
Ġurnalist: “Għadu kif ħareġ fil-midja li familja ġiet żgumbrata mill-Qala, għandu kull dritt nistaqsi l-mistoqsija. L-ewwel nett ir-reazzjoni tal-Kurja b’rabta ma’ din id-deċiżjoni li poġġiet familji oħra kawża ta’ deċiżjoni tal-Kurja biex din l-art irrinunzjat il-kontroll fuqha.”
Isqof Joseph Galea-Curmi: “Fil-fatt mhijiex kif qed tgħid inti eżatt, imma tajjeb li inti meta jkollkom il-mistoqsijiet, biex taf inti hemm ħafna affarijiet tekniċi fejn tidħol din.”
Ġurnalist: “Imma tifhem li tolqot ħafna familji eċċellenza.”
Isqof Joseph Galea-Curmi: “Għalhekk fil-kwiet wieħed jiddiskutihom, tibgħatu l-mistoqsijiet mhux hekk u f’ħin aktar addattat.”
Staqsejna lill-Isqof ukoll jekk il-Kurja, bħalma kien qal l-Arċisqof Scicluna, kinitx taf li l-art se tiġi żviluppata qabel rrinunzjat il-kontroll fuq din l-art.
Ġurnalist: “Il-Kurja għadha tgħid li ma kinitx taf li se tiġi żviluppata din l-art?”
Isqof Joseph Galea-Curmi: Ibgħatu l-mistoqsijiet lill-uffiċju tal-midja u jkollkom ir-risposti.
Ġurnalist: “M’għandekx xi tgħidilhom, Eċċellenza, lil dawn il-familji li f’dan iż-żmien festiv jinsabu b’dan l-inkwiet fuq rashom?”
Isqof Joseph Galea-Curmi: “Qed ngħid lilek jien, mhux lill-familji.”
Ġurnalist: “Il-familji fl-aħħar mill-aħħar ħa jiġu affettwati, bħala ġurnalist għandi kull dritt nagħmillek il-mistoqsija.”
Isqof Joseph Galea-Curmi: “Mela, bħala ġurnalist, għandek tistaqsi però ibgħathom fil-ħin tajjeb biex ikollok risposta tajba. Ibgħathom lill-uffiċċju tal-midja.”
Hekk kif l-Isqof talabna nibgħatu l-mistoqsijiet bil-miktub, din il-kamra tal-aħbarijiet proprju hekk għamlet. Fost oħrajn staqsejna jekk il-Kurja għamlitx kuntatt mal-familji affettwati b’din id-deċiżjoni.
Madankollu hawn bqajna bla risposta, ħlief li l-Knisja qalet li qed “tempatizza mal-individwi kollha li huma mħassba dwar x’se jiġri mir-residenza tagħhom”.
Staqsejna wkoll jekk il-Kurja taqbilx li din l-art għandiex tiġi żviluppata, bil-Kurja tirrispondi li jkun “skorrett u imprudenti” li jsir dan u li “l-Arċidjoċesi ma tistax u ma tidħolx fi transazzjonijiet individwali ta’ art li ma tkunx tal-Knisja.”
Għad-deċiżjoni tar-rinunzja mid-Djoċesi kienu saru protesti quddiem il-Kurja fil-Furjana b’messaġġi diretti indirizzati lejn l-Arċisqof fejn qalulu li r-“Ragħaj tefa’ n-nies f’ħalq l-ilpup” u “Ittradiena”.