Il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li tlaqqa’ l-Ħadd filgħodu fid-Dar Ċentrali beda madwar siegħa tard, bl-uffiċjali tal-partit iħokku rashom dwar kif se jirnexxilhom jitrasmettu ftit entużjażmu.
Meta sa fl-aħħar, il-Kunsill Ġenerali beda reġa’ kien iddominat minn protagonisti tal-imgħoddi tal-Partit Nazzjonalista.
Ma naqsitx in-nostalġija għal meta l-partit kien fil-gvern.
“Niftaħru bil-bidliet kbar li saru f’pajjiżna fil-passat, permezz tal-ħidma li għamel il-Partit Nazzjonalista.”
Ċensu Galea
F’sena fejn il-Partit Nazzjonalista ma ressaqx dokument ta’ qabel il-Baġit, id-deputat Claudette Buttigieg kompliet tibni fuq dan u tenniet li l-Partit Nazzjonalista m’għandux jagħmel proposti.
“Jien naħseb li għandna nieqfu nippreżentaw il-proposti tagħna minn issa.”
Claudette Buttigieg
U fil-fatt, proposti ma tantx kien hemm.
L-uniku konsistenza kien id-diskors kif il-Partit Nazzjonalista jrid jirbaħ lill-Partit Laburista bħala għan fih innifsu.
“Irabħnielhom qabel… kemm il-darba u ħbieb tiegħi nerġgħu nirbħulhom.”
Eve Borg Bonello
“Kapaċi nirbħu l-elezzjoni ġenerali.”
Alex Borg
Minkejja l-pożizzjoni kontra pajjiżna li dejjem jieħdu l-esponenti tal-PN, Eve Borg Bonello qalet ukoll hekk.
“Aħna n-Nazzjonalisti nnamrati b’art twelidna.”
Eve Borg Bonello
Is-Segretarju Ġenerali tal-MŻPN Nicole Portelli insinwat ukoll li fil-passat il-poplu ma vvutax b’moħħu għax ma vvutax lil PN.
“Ivvutaw b’moħħkom meta tasal l-elezzjoni.”
Nicole Portelli
Il-botti ma naqsux ukoll minn dawk li huma magħrufin li ma jarawx għajn m’għajn ma’ Grech.
“Il-konfronti li kellna magħna nfusna fiż-żmien li għaddej nixxew id-demm u ħolqu feriti.”
Mario de Marco
Bħal dejjem il-Kunsill Ġenerali ntemm bid-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Kien diskors fejn Bernard Grech pinġa s-sitwazzjoni f’pajjiżna bħala waħda ħażina f’kull settur, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jgħid li tort tal-labour.
Lil ftit kunsillieri li wieġbu għas-sejħa u attendiet il-kunsill, Grech qalilhom li l-Partit Nazzjonalista dejjem jagħmel it-tajjeb.
“Il-Partit Nazzjonalista huwa dak il-Partit tal-aħjar eżempji.”
Bernard Grech