Il-gawwi. L-għasfur li jaddatta malajr għaċ-ċirkostanzi li jkun fihom.
Din mhijiex kumbinazzjoni li l-kumpanija marittima Greenwave għażlet lil dan l-għasfur biex jirrappreżentaha għas-snin li ġejjin bħala parti mill-bidla fl-apparenza minn rasha sa saqajha.
Jgħidu li l-musmar il-qadim jaqla’ l-ġdid u dan għaliex iż-żminjiet jinbidlu u wieħed irid jifhem li l-bżonnijiet tal-klijenti jinbidlu.
Dan stqarru Godwin Xerri, id-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija li llum bidlet isimha għal Greenwave.
Xerri stqarr li din il-bidla fl-apparenza kienet essenzjali sabiex ukoll tirrifletti l-viżjoni tal-kumpanija għas-snin li ġejjin.
Xerri spjega li “Ridna naraw, x’inhi l-perception tal-klijent tal-kumpanija tagħna u ppruvajna nittrasformaw dak f’logo ġdid, f’disinn ġdid. Aħna qegħdin hemmhekk sew għall-bnazzi u sew għall-maltemp. Qegħdin hemmhekk meta l-klijent għandu l-problema u qegħdin hemmhekk meta l-klijent m’għandux problemi imma jrid servizz regolari.”
Iżda din il-bidla mhix biss waħda superfiċjali, hija bidla li tirrikonoxxi t-temi attwali li jikkonċernaw in-nies fosthom l-ambjent.
“Illum il-ġurnata l-ambjent huwa s-suġġett topiku ta’ kulħadd. Il-baħar huwa il-heritage uman u għalkemm nagħmlu użu minnu biex inġorru l-merkanzija fuqu, irridu nieħdu ħsieb li ma nikkontaminawhx u nippreservawh għall-ġenerazzjonijiet tal-futur”, sostna Xerri.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Propjetà, Chris Agius stqarr li din il-kumpanija qed tagħti viżjoni ta’ sostenibbilità u din il-bidla qed tagħti ċans lill-kumpanija timxi maż-żminijiet. Spjega li s-settur marittimu jiġġenera numru kbir ta’ xogħolijiet u qal li l-Gvern huwa mehdi li jgħin lil din l-industrija.