Lejn tmiem summit ieħor li ra l-ftehim milħuq bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Ingliż dwar BREXIT, il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li huwa sodisfatt b’dan il-ftehim li jagħti flessibilità u juri rieda tajba miż-żewġ naħat.
Il- Prim Ministru Joseph Muscat stqarr: “Ir-Renju Unit ikkonċeda illi l-Irlanda ta’ Fuq tkun parti, biex ngħidu hekk assoċjata mal-Unjoni Ewropea u li l-border f’dan ir-rigward, il-fruntiera tkun fil-baħar Irlandiż, xi ħaġa illi qabel il-Gvern Ingliż qatt ma kien lest illi jċedi u allura nistgħu nkunu biss pożittivi, nirrakomandawh u aħna konna favur dan il-ftehim li għadda b’mod unanimu mill-Kunsill Ewropew u allura nħarsu ‘l quddiem li l-House of Commons tiddeċiedi hi xi trid tagħmel.”
Fir-Renju Unit anki fil-kurituri tal-qalba tat-tmexxija tal-Unjoni Ewropea fi Brussell issa hemm stennija għas-Sibt fejn l-attenzjoni issa ddur fuq il-House of Commons li f’seduta speċjali trid tapprova l-ftehim milħuq.
Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson jinsab f’ġirja kontra l-ħin biex isib appoġġ biżżejjed biex dan il-ftehim jgħaddi mill-Parlament Ingliż.
Fil-fatt qatta’ l-jum f’kuntatt ma’ membri parlamentari li jrid jikkonvinċihom jivvutaw għal ftehim li laħaq.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat spjega wkoll il-passi li mistennija tadotta l-Unjoni Ewropea, f’xenarju li l-Parlament Ingliż ma japprovax il-ftehim BREXIT.
“Jekk ma jaċċettawhx iddeċidejna li ma nikkommettux ruħna għalissa x’nagħmlu u ma nagħmlux illi nistennew, jekk ikun hemm pereżempju rikjesta ta’ estensjoni, niddiskutuha, nikkunsidrawha u mbagħad niddeċiedu wara”, sostna l-Prim Ministru Joseph Muscat.
Intant waqt is-summit għall-mexxejja Ewropej ħareġ li hemm bżonn iżjed żmien biex ikun hemm diskussjoni dwar il-ftuħ ta’ negozjati mal-Maċedonja ta’ Fuq u l-Albanija dwar is-sħubija tagħhom fl-Unjoni Ewropea.
Dr. Muscat esprima d-diżappunt tiegħu għal dan u qal li l-Ewropa tista’ titlef il-kredibilità tagħha meta jeħtieġilha aktar minn qatt qabel li tiftaħ djalogu ma’ pajjiżi ġejjin minn reġjun daqshekk sensittiv bħalma huwa l-Balkani.
Is-summit tal-Kunsill Ewropew iddiskuta wkoll l-aħħar ftehim ambjentali, bil-Prim Ministru Joseph Muscat jisħaq li kwistjonijiet relatati mal-klima ma jolqtux biss l-ambjent iżda huma parti minn ħoloq importanti fis-settur ekonomiku u anki dak soċjali.
Ara l-kummenti tal-Prim Ministru hawn taħt: