Wenzu u Rożi, il-koppja anzjana li nisslitilna tbissima minn fuq it-televiżjoni reġgħet qed terġa’ ttina tomgħa tal-folkor Malti permezz ta’ ripetizzjonijiet fuq l-istazzjon ONE.
ONE News tkellem mal-atturi Narcy Calamatta u Josephine Mahoney li interpretaw il-karattri ta’ Wenzu li l-inbid għalih bħala d-duwa tal-Madalena u x-xwejħa tar-ruħ, Rożi.
Bejn Narcy u Wenzu hemm baħar jikumbatti.
Fil-fatt l-attur irrakontalna kif hu studja wieħed mill-ħbieb tiegħu, biex il-karattru ta’ Wenzu jagħtih laqta realistika.
Huwa spjega: “Allura frakart fil-ħabib tiegħi Leli l-Baħbaħ ta’ Ħaż Żabbar li dan kien bniedem twil, kellu mustaċċi dejjaq bħal ta’ Charlie Chaplin, kien il-beritta dejjem daqsxejn laġenba kemm kemm ma tistriħx u dejjem b’dak il-maktur fuq għonqu bit-tarf ġol kantuniera f’xufftejh”
L-attriċi veterana Josephine Mahoney wkoll kellha tipprepara ruħha billi titgħallem titkellem bid-djalett.
Josephine Mahoney spjegat: “Għamilt ftit tar-riċerka u ħassejt li d-djalett tan-naħa ta’ fuq ta’ Malta huwa eħfef biex titgħallmu minn dak tan-naħa t’isfel, ngħidu aħna bħal dak Żabbari jew Xlukkajr. Allura peress li żewġi, dak iż-żmien kien għadu ħaj u kien Rabti għażilt li nitgħallem dan.”
Narcy spjega kif is-sett ta’ Wenzu u Rożi kien inbena fl-istudios filwaqt li l-isqaq li jidher fil-filmat huwa l-bitħa tal-istudios li l-art ksewa bil-ġebla tal-franka. Filwaqt li l-bejt trasferewh fil-pjazza fejn jinsab il-ħanut ta’ Kurun.
Josephine rrakontatilna kif is-saqqu tat-tiben li kienu jorqdu fuqu Wenzu u Rożi
Hija sostniet: “Darba qaluli li dan it-tiben jagħmel il-brijat, u ntlejt kollna bżieżaq u ponot tal-gdim tal-brijat u mbgħad kellna niżvutjawh is-saqqu u norqdu fuq liżar biss”
Intant mit-Tnejn sal-Ġimgħa wara nofsinhar fuq ONE qed jixxandar episodju ta’ Wenzu u Rożi.