Il-Knisja ddedikata lil San Nikola, l-qaddis wara l-karattru tal-Milied, Santa Klaws tinsab imlibbsa u lesta għal festi tal-Milied. L-arċipriet tal-Knisja tas-Siġġiewi, Fr. Josef Mifsud, spjegalna kif San Nikola huwa l-figura oriġinali ta’ Santa Klaws hekk kif l-ġenerożitá tiegħu tul ħajtu baqgħet marbuta mal-ispirtu tal-Milied. Madankollu biż-żmien id-dehra ta’ Santa Klaws spiċċat inbiddlet ukoll.
Fr Josef stqarr ma’ crew ta’ ONE News: “Oriġinarjament il-figura ta’ Santa Klaws oriġinarjament kienu iġibuħ liebes ta’ isqof kif inhu San Nikola, mid-dehra biż-żmien fil-bidu, tas-seklu għoxrin lejn l-1930, xi ħaġa hekk, f’wieħed mir-reklami tal-coca-cola ovvjament kienu jridu li jlibsu lil dan l-Isqof ftit qrib il-logo ta’ din il-kumpanija biex ngħidu hekk, allura kienu libsuh bl-aħmar, il-mitra tal-isqof għamluhielu barnuża u għalhekk ġie Santa Klaws kif nafuh illum.”
ONE News tkellem ukoll mas-Sagristan tal-knisja ta’ San Nikola, Carlos Borg li spjega kif dan iż-żmien ikun sabiħ għaliex tara lill-parruċjani kollha jingħaqdu flimkien sabiex ilibsu l-knisja bil-libsa tal-Milied. Stqarr li s-sodisfazzjon ta’ xogħlu bħala sagristan huwa meta jara n-nies igawdu l-knisja mżejna.
Borg sostna: “Xħin tarah armat, ikollok il-funzjonijiet, l-importanti l-funzjonijiet ma jkunux vojta għax wara, fl-aħħar mill-aħħar, ħeqq jekk ma jkollokx in-nies, wara kollox il-knisja hija n-nies, jiġifieri xħin tara n-nies u tara l-knisja armata, dak huwa s-sodisfazzjon hux.”
L-Arċipriet Josef Mifsud spjega kif fis-Siġġiewi ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied jibdew mal-festa liturġika ta’ San Nikola nhar is-6 ta’ Diċembru.
Fr. Josef spjega: “F’kulturi speċjalment Nordiċi, l-festa ta’ San Nikola fis-6 ta’ Diċembru qisu tagħti bidu għal dan iż-żmien tal-Milied imma għalina s-Siġġiewi hawnhekk litteralment anke permezz ta’ San Nikola qisna nibdew dan iż-żmien ta’ festa, anke jekk tħares ftit, il-Knisja ovvjament ċertu armar ikun armat għal San Nikola għas-6 ta’ Diċembru u mbagħad jibqa’ għall-Milied ukoll.”
Tiżjin bid-damask, fjuretti tal-ponzjetti u d-damask mhux l-unika ħaġa li ser tkun qed issebbaħ il-Knisja tas-Siġġiewi dan il-Milied. Dan hekk kif għal dan il-Milied il-parruċjani Siġġiwin ser igawdu l-frott minn proċess ta’ restawr fuq is-saqaf tal-knisja li wara ħames snin issa huwa lest kompletament.