Kien hemm żieda sostanzjali fin-numru ta’ persuni li rreġistraw karozza elettrika f’pajjiżna bl-għajnuna ta’ Transport Malta.
Minn 11–il karozza irreġistrata f’sena, fl-2014, is-sena li għaddiet kienu rreġistrati 228 karozza.
Il-gvern huwa determinat li jagħmel minn pajjiżna wieħed mill-ewwel pajjiżi fl-Ewropa li jagħmlu l-qalba għal karozzi elettriċi u jidher li l-aptit fost il-konsumatur qiegħed hemm. Tant li sena wara sena kien hemm żieda fin-nies li xtraw karozza ta’ dan it-tip.
Filwaqt li fl-2014 il-gvern investa 37,500 ewro, is-sena li għaddiet il-gvern ta’ 1,300,44 ewro.
Meta fl-2014 tnediet l-iskema, kull min ried jixtri karozza elettrika u hybrid kien jingħata għotja t’4,000 ewro. Illum din l-għotja telgħet għall- 6,000 ewro.
Dawk li jgħażlu li jiskrappjaw il-karozza antika wkoll kienu jingħataw 5,000 ewro. Illum qed jieħdu 7,000 elef ewro.
Meta wieħed jimporta karozza elettrika li mhux ġdida, iżda mhux eqdem minn tlett snin, jingħata għotja ta’ elfejn ewro.
Din is-sena diġa’ kien hemm mija sebgħa u erbgħin (174) persuna li rreġistraw karozza elettrika jew applikaw għall-grant, bil-prospetti juru li din se terġa’ tkun sena b’saħħitha.
Iżda, dawn mhux l-uniċi vantaġġi, kif spjega Gilbert Agius, Direttur tad-Direttorat tat-trasport bl-art fi Transport Malta.
“Transport Malta diġà anke kif għamilna, neħħejna, jiġifieri bħala gvern neħħejna t-taxxa tar-reġistrazzjoni għall-vetturi li jaħdmu bl-elettriku. Għall-ewwel ħames snin il-liċenzja hija b’xejn ukoll u tħallas 10 euro mill-fifth year -il fuq. L-electric cars għandhom inċentivi oħrajn li anke jistgħu jgħaddu mill-bus lane. Is-CVA hija b’xejn. Allura ehe hemm impenn sabiex fis-snin li ġejjin dak li jkun jagħżel li jixtri vettura li taħdem bl-elettriku.”
Agius spjega wkoll li hemm ukoll numru ta’ inċentivi fuq muturi elettriċi u żied kif għaż-żmien li ġej se jiżdiedu c-charging points.
“ Bħalissa hawn installati l-fuq minn 100 charging point u Transport Malta fix-xhur li ġejjin ser tkun impenjata li twaħħal madwar 130 charging point oħra. Ser ikun hemm madwar 100 li jkunu l-medium charging points aħna ngħidulhom u ser ikun hemm anke madwar 20 fast, fejn bażikament vettura tiġi ċċarġjatha within 2 to 3 hours.”
Ftit tal-ġimgħat ilu l-Prim Ministru, Joseph Muscat, reġa’ ddikjara l-ħsieb tiegħu li jniedi politika li tagħti data minn meta l-karozzi impurtati f’Malta jridu jkunu kollha eletriċi.