Wara li l-Ħadd waranofsinhar d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne flimkien mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci ħabbru tliet miżuri ġodda bil-għan li titnaqqas il-firxa tal-Coronavirus f’pajjiżna fi stqarrija l-Ministeru għas-Saħħa qiegħed jipprovdi iktar informazzjoni dwar id-deċiżjoni li ġiet imħabbra iktar kmieni llum għall-għeluq ta’ ħwienet li jbiegħu prodotti u servizzi meqjusa bħala mhux essenzjali.
Fuq l-ordni tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, sa mit-23 ta’ Marzu fit-8am, l-għeluq tal-ħwienet kollha li n-negozju prinċipali tagħhom huwa marbut mal-bejgħ ta’:
– Ħwejjeġ
– Ilbies sportiv
– Ġojjellerija
– Hand bags u prodotti tal-ġilda
– Costume jewellery u aċċessorji
– Żraben
– Nuċċalijiet mingħajr preskrizzjoni
– Fwejjaħ
– Prodotti tal-isbuħija
– Ħwienet tal-ħjata
– Purtieri u tapezzerija
– Tagħmir domestiku
– Ħwienet tas-souvenirs
– Stabbilimenti li joffru skontijiet
– Ħwienet tal-bagalji
– Ħwienet tal-ġugarelli
– Ħwienet tal-passatempi
– Għamara
– Ħwienet tal-pjanti/fjuri u vaping shops, għandu jiġi osservat.
Din id-deċiżjoni tapplika għall-ħwienet imsemmija, kemm jekk qed joperaw minn shopping malls kif ukoll minn postijiet oħra.
Dawn il-ħwienet jistgħu xorta jbiegħu u jipprovdu servizzi ta’ delivery tal-prodotti tagħhom fil-komunita.
Kif imħabbar iktar kmieni llum, il-Gvern qed jitlob ukoll, b’effett mid-data u l-ħin imsemmija, l-għeluq tal-ħwienet li jipprovdu servizzi mhux essenzjali, iġifieri, parrukkiera, barbiera, ħwienet ta’ sbuħija, spas (postijiet ta’ rilassament), ħwienet tad-dwiefer u ħwienet tat-tpinġija.
Multi ta’ €3000 se jiġu imposti għal kull darba li jinkisru dawn il-miżuri ġodda.
Dawn id-deċiżjonijiet huwa neċessarji għall-istadju preżenti tal-Covid-19 f’Malta u mmirati li jissalvagwardjaw is-saħħa tal-pubbliku ġenerali.
Il-koperazzjoni hija fl-interess ta’ kulħadd.