Il-Pulizija tinsab għaddejja bl-aħħar investigazzjonijiet tagħha biex il-Ġimgħa tressaq il-qorti għoxrin immigrant irregolari li allegatament kienu l-moħħ wara nirien kbar li ħakmu għalkollox iċ-ċentru miftuħ tal-Marsa.
L-Erbgħa waranofsinhar id-dormitorju ewlieni taċ-ċentru miftuħ tal-Marsa nħakem minn nirien kbar li spiċċa nfirex ukoll għall-gym.
Ritratti ppubblikati fuq one.com.mt l-għada tal-inċident juru l-istraġi li ħallew warajhom in-nirien.
Ir-ritratti mibgħuta lilna minn immigranti fiċ-ċentru juru b’mod partikolari l-ħsara l-kbira li seħħet fid-dormitorju fejn kollox spiċċa litteralment tabakk.
Dan jikkonferma dak li rraporta One News dakinhar tal-każ li s-sodod kollha fid-dormitorju nqerdu għalkollox fin-nirien.
Dan filwaqt li l-ħitan kollha mtlew bin-nugrufun.
One News jinsab infurmat ukoll li l-awtoritajiet għaddejjin b’eżerċizzju li għandu jwassal biex tibda ħidma biex tissewwa l-ħsara kbira li saret.
Madankollu dan mistenni jieħu ż-żmien għall-fatt li saret ħsara kbira wkoll fis-saqaf fejn mhux eskluż li dan irid jinbena mill-ġdid.
Huwa stmat li n-nefqa kawża ta’ dan l-inċident tlaħħaq l-eluf ta’ ewro.
Fiċ-ċentru miftuħ tal-Marsa kien hemm jgħixu madwar 480 immigrant b’uħud minnhom kellhom jittieħdu fiċ-ċentru ta’ Ħal Far wara li spiċċaw bla saqaf fuq rashom.