B’għoli ta’ aktar minn tletin metru, b’veduti spettakolari ta’ Malta kollha, l-arloġġ tal-Imtarfa huwa wieħed mill-aktar binjiet sinonimi mill-ħakma Ingliża f’Malta.
Dan l-arloġġ, li t-tokki tal-qniepen tiegħu jidwu mal-Mtarfa kollha reġa’ beda jaħdem għaxar snin ilu grazzi għall-intervent ta’ żewġ Imtarfin, Charles Pace u Mario Agius.
ONE News iltaqa’ ma dawn l-irġiel, li spjegawna kif taħdem il-magna ta’ dan l-arloġġ u l-ħidma kontinwa tagħhom sabiex dan l-arloġġ ikun jista’ jibqa’ għaddej.
Pace spjega li “Dan l-arloġġ jaħdem bis-sistema antika tal-piżijiet jinżlu l-isfel, darba kull ġimgħa jkollna bżonn intellgħu il-piżijiet il-fuq, u hawnekk għandna tliet settijiet ta’ piżijiet. Il-piż li jirregola il-kwarti, il-piż li jirregola l-ħin u l-piż li jħaddem is-siegħa.”
L-arloġġ tal-Imtarfa għandu tliet qniepen ewlenin li tnejn minnhom idoqqu għal kull kwarta filwaqt li t-tokki tal-qanpiena l-kbira jidwu mal-Imtarfa kull siegħa.
Is-sur Agius spjega kif huma kienu daħlu għal din l-isfida bil-għan li l-arloġġ jerġa’ jibda jaħdem mingħajr ma jiġi mbagħbas minn ħafna idejn.
Agius qal “U aħna ħadna din l-inizjattiva li niħduħ bħala volontier biex inkunu nafu li l-arloġġ ma joqgħodx jitbagħbas minn ħafna nies u jkun hemm ħafna ħsara ġo fih. Jien is-sodisfazzjon li għandi hu li nisma t-tokki matul il-ġurnata kollha”
Apparti l-garigor b’mitejn tarġa li hemm sabiex tasal fejn il-magna, dan l-arloġġ joffri ħafna sfidi u bħal kull ħaġa oħra kultant ikun hemm bżonn li jsirulu xi tiswijiet sabiex jibqa’ għaddej.
Spjega li “Għandek ħafna sfidi. L-isfidi li trid titla’ kull nhar ta’ ħadd żgur jekk jinqalalek xi ħaġa li mar riħ ġieli jieqaflek jew jinqala xi ħaġa, xi pendlu li ġieli ġrat anki bl-għasafar u jieqaf trid titla tara x’ġara, għax ġieli jkollna ħsara, titla u ma jkollok xejn jew ikollok affarijiet zahar. Imma xorta trid tieħu ħsiebu l-arloġġ”
Kif tħabbar ftit taż-żmien ilu, fiż-żmien li ġej mistenni jibda r-restawr estensiv fuq il-bini tal-arloġġ mill-Kunsill Lokali tal-Imtarfa.
Fost ix-xogħlijiet li se jsiru hemm tiswijiet fuq l-erba’ faċċati tiegħu u r-restawr tal-binja minħabba ħsarat li sofriet tul is-snin.