Iċ-ċerimonja tal-ħatra tal-President il-ġdid bdiet b’quddiesa fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann ikkonċelebrata mill-Arċisqof Charles J.Scicluna. Għaliha attendew l-ogħla uffiċjali tal-pajjiż fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat u martu Michelle Muscat.
Dr Vella u martu Miriam ntlaqaw minn membri tal-Forzi Armati ta’ Malta u ġew eskortati għall-Kon-Katidral.
Fl-omelija tiegħu Monsinjur Scicluna qal li l-poplu Malti għandu jilqa’ l-figura tal-President bħala sinjal tal-għaqda ta’ bejnietna u tas-sejħa tagħna li nkunu demokrazija bbażata fuq l-għażla kontinwa tas-sewwa u l-għatx u l-ġuħ għall-ġustizzja. Qal li f’din il-figura l-poplu jsib id-difensur tal-patrimonju kulturali, storiku, artistiku u arkittettoniku u naturali ta’ Malta tagħna.
“L-irwol fundamentali tal-President tar-Reppublika, huwa li bil-kliem, bil-ġesti, u bl-eżempju jfakkarna li l-Politika hi fuq kollox servizz u qadi, mingħajr ma wieħed iħares lejn l-uċuħ iżda b’sens kbir tad-dover u b’sens qawwi tal-istat u b’qalb kbira mimlija mogħdrija” qal Monsinjur Scicluna.
Mill-Kon Katidral, l-Ispeaker u l-President George Vella, flimkien man-nisa tagħhom, qrabathom u l-mistiedna mxew sal-Palazz Presidenzjali.
Waqt li Dr Vella daħal fil-Palazz biex jieħu l-ġurament tal-ħatra, il-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta flimkiien ma’ żewġ stakkamenti tal-Armata jimmarċjaw minn quddiem il-bini tal-Parlament f’Misraħ il-Ħelsien għal Misraħ San Ġorġ fejn hawnhekk ifformaw il-Gwardja tal-Unur.
Kien għall-ħabta ta’ nofsinhar, il-Prim Ministru Joseph Muscat ingħata s-Salut Nazzjonali u ndaqqu tmien battuti mill-Innu Malti.
Segwiet il-wasla tal-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca u żewġha Edgar Preca fejn sabu jilqagħhom il-Kmandant tal-Forzi Armati Jeffrey Curmi. Hawnhekk il-President Emeritu, ingħatat is-Salut Nazzjonali u spezzjonat għall-aħħar darba l-Gwardja tal-unur waqt li sellmet lill-ġemgħa.
Kien għall-ħabta tas-siegħa neqsin għaxra li l-President il-Ġdid George Vella u l-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca flimkien mal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ħarġu jsellmu lill-ġemgħa miġbura f’Misraħ San Ġorg.
Għall-ħabta tas-siegħa u għoxrin, Dr Vella xiref ‘il barra mill-Palazz bħala President ta’ Malta. Hawnhekk tela’ fuq id-diace għall-ewwel darba u ngħata s-salut nazzjonali bid-daqq tal-innu Malti mill-banda tal-Forzi Armati.
Minn hawn bi skorta tal-Kavallerija, telaq lejn il-Monument tal-Gwerra fil-Furjana fejn qiegħed kuruna fuq il-monument tal-gwerra. Kien għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar li l-President u martu waslu fil-Palazz ta’ San Anton.
Hawnhekk Dr Vella wera l-apprezzament tiegħu għall-merbħa sabiħa li ngħata mill-poplu Malti u Għawdxi:
“Ifhimni bla ma trid tgħid Grazzi! Għax taprezza l-qalb tajba tal-Maltin u ċertu rispett. Xi ħaġa li j’alla l-poplu jkompli jikber f’dan ir-rispett. Mhux biss lejna l-persuni li nkunu f’uffiċċju, iżda anke bejnietna, kif tkellimt fid-diskors tiegħi. Jiena nemmen li aktar m ankunu nistgħu ningħaqdu flimkien u nirrispettaw lil xulxin, għax bħalma għidt il-qalb tal-Malti hija kbira”
Il-President George Vella spjega l-ewwel ftit minuti tiegħu fit-tmun tal-Presidenza hekk kif deher kommoss ħafna fit-tmiem l-ewwel diskors tiegħu bħala Kap ta’ Stat.
“Żammejt biex ma nibkix! Speċjalment meta tirringrazzja lil tal-bidu. Għamilt ħafna ‘restrained’ biex nipprova nżomm għax fil-bidu biex tirringrazzja l-familja, u l-Prim Ministru, għax mhux xi tajjeb għalhekk. Imma mbagħad fl-aħħar biex tgħajjat Viva r-Reppublika ta’ Malta!! Kienet se tieqafli hawn.”
Intant segwew laqgħat ta’ kortesija mal-Prim Ministru Joseph Muscat u martu s-Sinjura Michelle Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.