Il-Ġnien tal-Argotti, li ġie riġenerat u miftuħ uffiċċjalment aktar kmieni din il-ġimgħa, intlaqa’ tajjeb mill-persuni tal-lokal.
ONE News żar il-post, fejn tkellem ma’ għadd ta’ persuni li kienu qed jammiraw is-sbuħija ta’ dan il-post. B’kummenti pożittivi, huma faħħru l-professjonalità tax-xogħol, waqt li lkoll qalu li permezz tax-xogħolijiet, il-Ġnien tal-Argotti mar għall-aħjar.
kullimkien jidher li tranġa għall-aħjar.. iġifieri s-siġar u l-arbuxelli.. u tneħħa li kellu jitneħħa.. naħseb li huwa sabiħ għall-ewwel darba li ġejt..
Ġie sabiħ ħafna, ngħid proset lil Dr Herrera, vera għamel proġett sabiħ hawn..
Uħud mill-persuni li kellimna, qalulna li fil-passat kienu jqattgħu ħafna ħin f’dan il-ġnien. Spjegaw li permezz tax-xogħolijiet, il-ġnien llum huwa ferm isbaħ milli jiftakruh fil-passat.
Jien kont niġi hawn fil-passat, kont naħdem hawn, u konna niġu hawn fil-break.. vera lanqas għandu x’jaqsam, u anke t’hemm isfel, vera rranġawh u ġie sabiħ
Tajjeb ħafna.. għoġbok mela? Tiftakru kif kien qabel? Iva niftakru ta.. x’differenzi? Inbidel isu ġdid ġie uwx..”
Ix-xogħol fuq dan il-proġett dam għaddej madwar sena u nofs u sewa żewġ miljun u ħames mitt elf ewro. Il-ġonna jinsabu fuq medda ta’ mitejn tomna ta’ art, b’valur naturali kbir.
Fl-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat iddeskriva dan il-proġett bħala wieħed bżonnjuż. Huwa qal li lil hinn mis-suċċessi ekonomiċi, hemm bżonn li ġonna bħal dawn jiġu riġenerati, biex il-familji Maltin ikollhom fejn iqattgħu il-ħin liberu tagħhom.