Eluf ta’ passiġġieri li waslu f’pajjiżna bdew jiġu skrinjati fl-ajruport permezz ta’ tagħmir apposta li ġie installat fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Dan it-tagħmir mediku, li jikkonsisti f’cameras li jkejlu t-temperatura tal-ġisem ta’ kull passiġġier ġie installat mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Maltin wara li l-Ħadd wara nofsinhar il-Gvern ħabbar li se jkun qed jinstalla dan it-tagħmir fil-punti kollha tad-dħul tal-passiġġieri f’pajjiżna inkluż fil-portijiet.
Kull persuna li timmarka li għandha d-deni se tkun qed tiġi mwaqqfa immedjatament mill-uffiċjali tas-saħħa stazzjonati ma’ dan it-tagħmir u tittieħed għal test f’kamra apposta sabiex tiġi ttestjata għall-Corona Virus.
Dan it-test isir billi jittieħed kampjun mill-gerżuma tal-bniedem liema kampjun jintbagħat l-Isptar Mater Dei għall-analiżi. Ir-riżultat definittiv joħroġ fi żmien sagħtejn.
Dawn il-miżuri addizzjonali ta’ prekawzjoni ddaħħlu mill-Awtoritajiet tas-saħħa Maltin wara li fil-jumejn li għaddew kien hemm tifqigħa ta’ dan il-virus fil-pajjiż ġar tagħna l-Italja.
F’dan il-pajjiż aktar minn mitejn persuna ġew iċċertifikati morda bil-Corona Virus u minn dawn kien hemm seba’ każijiet t’anzjani li mietu kaġun ta’ dan il-virus.
Kawża ta’ din it-tifqigħa l-Italja ħadet miżuri addizzjonali ta’ prekawzjoni fejn ingħalqu madwar tnax-il lokalità u ġew posposti numru ta’ attivitajiet tal-massa fosthom logħob tal-futbol li kellhom isiru fit-Tramuntana tal-pajjiż.
Intant, bħalissa xjentisti minn madwar id-dinja jinsabu f’tellieqa kontra l-ħin sabiex joħolqu kura għal dan il-virus u vaċċin ta’ prevenzjoni.
“Mediċini aktar ġodda, mediċini aktar li jilqu l-pubbliku, mediċini li jilħqu l-bżonnijiet tal-lum. Biżżejjed naraw pereżempju x’inhu jiġri fuq il-coronavirus li mhux biss għad qed infittxu mediċini illi jikkuraw dan il-virus imma wkoll qed infittxu vaccine”
Skont l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa sat-Tnejn madwar id-dinja ġew infettati kważi disgħa u sebgin elf ruħ u sa issa kien hemm kważi elfejn elfejn u ħames mitt każ li spiċċaw b’fatalità.
Studji li qed isiru fiċ-Ċina kkonkludew li wieħed u tmenin fil-mija tal-persuni affettwati ntlaqtu b’sintomi ħfief tal-virus madankollu anzjani u persuni li jkollhom problemi fis-sistema immunitarja tagħhom qed jintlaqtus agħar.