Minn festi għal festivals. Minn marċi funebri għal dawk ta’ ċelebrazzjoni. Il-baned huma tradizzjoni li ma tmut qatt f’pajjiżna.
Skont studju li tħejja sentejn ilu, sittin fil-mija tal-Maltin jassoċċjaw il-kultura u l-festa Maltija mal-baned.
Dan is-sentiment huwa rifless fil-membri tal-baned Maltin li huma miżgħuda b’żgħażagħ entużjasti li jagħtu l-kontribut tagħhom.
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Baned Maltin, Dr Noel Camilleri tkellem dwar l-għatx għall-membri ġodda: “Hawn ħafna żgħażagħ impenjati fis-soċjetà tal-banda imma ovvjament qatt mhu biżżejjed għaliex ix-xogħol vast li jagħmlu s-soċjetajiet tal-banda ma jridx ikun assoċjat biss mal-festi imma jrid ikun assoċjat is-sena kollha. Il-baned huma parti integrali mill-ħajja Maltija. Immaġina fis-sajf ta’ Malta jew matul is-sena kollha, il-baned tagħna jispiċċaw, il-każini tagħna jispiċċaw. Inkunu tlifna parti importanti u integrali mill-fibra u anki wkoll mill-identità Maltija.”
Iżda l-każin tal-banda mhux biss post iż-żgħażagħ. Il-banda tilqa’ fi ħdanha lil kulħadd bħall-bandist ċkejken ta’ seba’ snin li jdoqq f’Ħaż-Żebbuġ u l-bandist Mellieħi li għandu 90 sena.
In-numru ta’ nisa membri fil-baned qiegħed jikber ukoll, għalkemm minn 88 banda f’Malta, huma biss 3 li għandhom President mara.
Is-Sur Camilleri sostna: “Bħala baned hawn ħafna nisa jipparteċipaw, ħafna nisa rrid ngħid u nieħu gost imma mhux biżżejjed.”
Waqt il-laqgħa ġenerali annwali tal-istess assoċċjazzjoni, il-Ministru għall-Wirt Nazzjoni, l-Arti u l-Gvern lokali Jose Herrera tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jgħin il-baned Maltin.