Għal sena oħra Malta ngħaqdet mal-kumplament tad-dinja biex tiċċelebra Earth Hour bit-tema magħżula għal din is-sena tkun Let Nature Shine.
F’filmat li ttella’ fuq profil ta’ Instagram, b’aktar minn 10 miljun segwaċi, tidher il-Balluta flimkien ma’ postijiet oħra minn madwar id-dinja jintfew sabiex ifakkru dan l-avveniment.
Fi stqarrija l-Ministru Jose Herrera qal li din is-siegħa twassal biex ilkoll nieqfu nirriflettu u napprezzaw kemm tabilħaqq hu importanti li nagħmlu l-almu tagħna biex nippreservaw l-ambjent, filwaqt li spjega li tħejjew diversi attivitajiet matul il-ġurnata tas-Sibt fejn ġiet iċċelebrata Earth Hour.
Bejn it-20:30 u d-21:30 binjiet prominenti f’pajjiżna inklużi l-Berġa ta’ Kastilja, il-Parlament ta’ Malta, il-Funtana tat-Tritoni kif ukoll siti storiċi u binjiet tal-Gvern intfew.
Kienu bosta attivitajiet li tħejjew matul il-jum tas-Sibt fosthom li filgħodu fi Pjazza Tritoni kien hemm stands ta’ informazzjoni minn Wasteserv, Direttorat tal-Parks, Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.
Fis-18:00 mal-faċċata tal-Parlament inwera l-film Planet Earth: The Future. Bejn is-18:00 u t-20:00 id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti tħejjew attivitajiet għat-tfal fosthom mikroskopju biex jaraw diversi insetti kif ukoll kompetizzjoni tat-tpinġija fejn ir-rebbieħa ngħataw pjanti. Wara, quddiem il-Parlament inxtegħlu x-xemgħat bil-logo ta’ Earth Hour kif ukoll kien hemm Earth Dance minn Dancel Dancers, The Moving Doh’s Band u Fire Performanceminn After Glow Events.