Jekk fl-aħħar ġimgħat il-bajja tal-Għadira kienet mimlija daqs bajda, l-istess nistgħu ngħidu għar-riserva naturali li tinsab ftit passi bogħod.
F’dan il-każ kienu għadd ta’ speċi ta’ għasafar differenti li tawha l-ħajja.
Jirriżulta li fl-aħħar xhur kienet innotata żieda fl-ispeċi ta’ għasafar li passew minn fuq pajjiżna, fi triqthom lejn l-Afrika mill-Ewropa.
Uffiċjali ta’ BirdLife Malta tkellmu ma’ ONE News dwar kif kien hemm ammont sabiħ ta’ għasafar li ġew irreġistrati u fosthom speċi differenti ta’ għasafar tal-priża li saħansitra bejtu fi gżiritna.
Fost l-iktar speċi li taw sodisfazzjon għax bejtu fl-Għadira hemm il-FraS-Servjent. Bejtu wkoll il-Monakella.
Mark Gauci, li jmexxi r-riserva naturali tal-Għadira qali li “Is-suċċss tagħna jintiżen bl-ammont ta’ għasafar li bejtu. Din is-sena ma kinitx eċċezzjoni minhabba li fl-Għadira żewg għasafar bejtu ġewwa l-Għadira. Bejtu wkoll tiżież tal-baħar. B’hekk kienet sena speċjali ħafna għalina”.
Gauci spjega kif ir-riservi jibqgħu żoni ekoloġikament importanti fejn tingħata prijorità lill-bijodiversità u n-natura, u primarjament jipprovdu kenn għall-għasafar tal-passa.
BirdLife Malta qed tipprepara biex l-istaġun li ġej jkun wieħed mill-isbaħ għal dawk li jħobbu jżuru r-riservi naturali, kemm dik li tinsab fix-Xemxija, kif ukoll dawk li jinsabu l-Għadira, tas-Simar u l-Foresta 2000.
“Ir-riserva naturali tal-għadira u Simar bażikament huma miftuħa fix-xhur ta Ottubru sa Mejju u jkunu miftuħa il-gimgħa sħiħa fejn filgħodu niltaqaw mat-tfal u għalhekk aħna litteralmet fullbooked minħabba li tingab klassi kuljum. Biex b’hekk jitgħallmu dwar in-natura. Bil-lejl u l-weekends inkunu miftiħa għall-pubbliku u d-dħul huwa bla ħlas”, temm jgħid Gauci.