Il-Forzi Armati ta’ Malta ffirmat il-kuntratt li se jimmarka l-bidu tal-bini tal-akbar patrol boat fil-flotta marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Din il-Patrol Boat ta’ ftit anqas minn 75 metru, imsejħa l-P71 se tkun qed tinbena mill- Cantiere Navale Vittoria fl-Italja. Il-bini ta’ din id-dgħajsa mistenni jibda fl-ewwel kwart ta’ din is-sena bix-xogħol mistenni jkun lest sat-tieni nofs tas-sena d-dieħla.
F’immaġni li ħarġet il-Forzi Armati, din il-lanċa se jkollha l-kapaċità li jinżel fuqha wkoll l-akbar helecopter tal-Forzi Armati, L-Agusta Westland 139. Din se tkun tista’ wkoll iġorr il-fuel tal-avjazzjoni għall-helicopter li jinżel fuhqa biex b’hekk il-missjonijiet bl-ajru jistgħu estiżi għal żoni oħra tal-Mediterran.
Hija mistennija tara veloċita ta’ aktar minn 20 knot u se tkun qed iġġor fuqha żewġ RHIBs ta’ madwar disgħa metri.
Din id-dgħajsa se tkun mgħammra wkoll bl-aħħar teknoloġija marittima kif ukoll b’radar 2D li jista jissorvelja l-ispazju tal-ajru.
Il-Brigadier tal-Forzi Armati Jeffery Curmi qal li r-rispons għal dan il-proġett kien wieħed kbir. Din id-dgħajsa se tkun aktar aktar sostenibbli fejn jidħol konsum u reżiljenza għall-baħar. Il-kundizzjonijiet għall-ekwipaġġ se jkun aħjar filwaqt li l-ispejjeż relatati mal-operat mistennija jonqsu.